“Għax Ta’ 58 Ma Bqajtx Neżisti Biss, Bdejt Ngħix Tassew” – Ftit Minn Kollox

In-narrattriċi fuq Ftit Minn Kollox kitbet dwar il-mument li bdiet tgħix.

Hi kitbet, “Bdejt ngħix ta’ 58 sena. Sakemm kelli 58 sena, qatt ma ħsibt li l-ħajja tista’ tkun differenti: mingħajr rutina fissa ta’ xogħol tad-dar, xiri mis-supermarket, ħasil tal-ħwejjeġ, tisjir, u qadi. Mindu kont żgħira, kont mgħallma li l-importanti għal mara huwa li tissetilja tajjeb, tiżżewweġ, ikollha t-tfal u żżomm il-familja flimkien. Tikkontradixxix, targumentax, tilmentax! U jekk toħlom xi ħaġa, agħmel dan fis-skiet, għax il-ħolm m’għandu l-ebda użu. Iżżewwiġt żgħira u kelli żewġt itfal. Kont omm, mara, u fuq kollox, mara tad-dar 24/7.”





Kompliet tikteb, “Imma darba, ir-raġel qalli li se jitlaqni. L-ebda xenati, l-ebda spjegazzjonijiet. Qam, ippakkja ħwejġu u qatt ma ġie lura. Bqajt waħdi. Ma ħassejtx uġigħ, imma spiċċajt f’ħafna skiet. Skiet li permezz tiegħu, stajt nisma’ lili nnifsi għall-ewwel darba. Għall-ewwel kont mitlufa. Ma stajtx niftakar x’jogħġobni, x’ridt nagħmel verament. Staqsejt lili nnifsi meta kienet l-aħħar darba li dħakt waħda tajba. Jew l-aħħar darba li qomt mingħajr ma kelli għalfejn niġri immedjatament lejn il-kċina biex nagħmel il-kafè għal kulħadd. Imbagħad darba waħda qomt, għamilt il-kafè u ħriġt nixorbu fil-gallarija għal ftit arja friska. Rajt id-dawl jidħol bil-mod bejn il-purtieri. Xi ħaġa sempliċi ħafna… li qatt ma kont osservajt qabel.”

Żiedet tgħid, “Minn dak il-ħin, xi ħaġa nbidlet ġewwa fija. Irreġistrajt għal kors tal-kompjuter, u tgħallimt nuża l-internet. Bl-internet xtrajt il-biljetti tas-safar, u għall-ewwel darba f’ħajti sifirt waħdi. Marthese, il-ġara tiegħi, qaltli: “Int miġnuna? Tivvjaġġa waħdek ta’ kważi 60 sena?” Tbissimtilha. Għax forsi, fl-aħħar, ma kontx aktar mitlufa. Sibt lili nnifsi. Jien issa ngħix waħdi, mhux għax ma jridni ħadd. Imma għax, għall-ewwel darba, sirt inħobb lili nnifsi. M’għandix irbit ta’ xejn. Il-ġranet tiegħi ma nqattagħhomx biss fil-kċina nsajjar. Inqatta’ sigħat twal fil-ġnien, nagħmel xogħol volontarju, noħroġ mal-ħbieb, u naqra ħafna kotba.  Xi drabi nħares fil-mera, u ovvjament, ninnota t-tikmix. Imma l-għajnejn huma differenti. Hemm dawl ġdid jiddi ġo fihom. Għax ta’ 58 ma bqajtx neżisti biss, bdejt ngħix tassew.”

 

Facebook / Ftit minn kollox



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI