Kultant ġest żgħir jista’ jfisser dinja sħiħa għal persuna. Hekk ġara lil Joanne Busuttil, wara li tilfet brazzuletta tad-deheb li għandha valur sentimentali kbir għaliha, iżda ftit jiem wara rċeviet rigal li, skont hi stess, kien jiswa ħafna aktar mill-valur materjali tagħha.
Il-brazzuletta waqgħet lil Joanne qrib il-pjazza tal-Mosta, iżda indunat li kienet tilfitha biss l-għada. Għal jumejn sħaħ fittxet kullimkien.
Wara ddeċidiet tagħmel post fuq grupp ta’ Lost and Found u ftit minuti wara bdiet tirċievi messaġġi. Meta fetħet l-ewwel messaġġ u rat ir-ritratt, Joanne ma setgħetx temmen lil għajnejha. Din id-darba, id-dmugħ kien ta’ ferħ.
Il-brazzuletta kienet instabet minn Moira Mamo, li minflok żammet dak li sabet, għażlet li tagħmel dak kollu possibbli biex issib lil siditha u tirritornahielha.
Għal Joanne, dan il-ġest għandu tifsira akbar. Ftit xhur qabel, hija stess kienet sabet kartiera u mingħajr ma ħasbet darbtejn, fetħitha biss biex tidentifika lil sidha u tkun tista’ tirritornaha. Illum temmen li dak il-ġest tajjeb reġa’ lura għandha b’mod mill-isbaħ.
Joanne rringrazzjat lil Moira, kif ukoll lil Ray Sammut u Rita Vassallo li għenu biex il-brazzuletta tinstab. Storja bħal din tfakkarna li, minkejja kollox, għad hemm nies tajba b’qalb tad-deheb.
Facebook/Joanne Busutill