Dak li kellu jkun ċelebrazzjoni ta’ għeluq l-40 sena spiċċa biex sar ukoll ġest sabiħ ta’ solidarjetà u ġenerożità. F’messaġġ ta’ ringrazzjament, Puttinu rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal-lejla speċjali u lil dawk li, minkejja li ma setgħux ikunu preżenti, xorta waħda kkontribwixxew.
Mill-kaxxa tad-donazzjonijiet inġabru €900 għall-Puttinu Cares, bil-flus se jgħinu lit-tfal li qed jiġġieldu kontra l-kanċer u lill-familji tagħhom.
Grazzi speċjali marru wkoll għal Alex Sciberras u t-tim kollu ta’ Pitch Lounge, li pprovdew il-post perfett għall-festa, kif ukoll għad-DJs Claytonsane, Luke Duncan u Matt Funk li taw sehemhom biex il-lejla tkun mimlija mużika, enerġija u atmosfera sabiħa.
Barra minn hekk, l-istorja ma waqfitx hemm. Persuna li kkuntattjat lil Puttinu wara l-festa offriet €100 oħra sabiex it-total jilħaq cifra sabiħa u tonda ta’ €1,000. Ġest li, kif qal Puttinu, messlu qalbu u fakkru kemm għad hemm tjubija u ġenerożità fin-nies.
B’hekk, dak li beda bħala ċelebrazzjoni ta’ 40 sena spiċċa biex sar rigal ta’ mħabba u solidarjetà, b’€1,000 miġbura għall-Puttinu Cares.
Facebook/Puttinu Cares