Bjorn Formosa qasam messaġġ profond u mimli riflessjoni li laqat lil ħafna, proprju fil-jum li fih il-Knisja timmarka Ras ir-Randan bl-irmied.
“Illum jimmarkawlna rasna bl-irmied. Għalija, l-irmied wasal dakinhar li indunajt li ġismi huwa fraġli u li l-ħin huwa misluf,” kiteb Bjorn, f’kelmiet li jfakkru fil-fraġilità tal-ħajja iżda wkoll fil-qawwa li tista’ titwieled minnha.
Huwa rrefera wkoll għall-bidu tal-mixja ta’ Ġesù fid-deżert, u żied jgħid, “Imma anke fid-deżert, jekk tfittex sew, issib l-ilma.” Messaġġ ta’ tama li jirrifletti l-atteġġjament li dejjem wera tul il-vjaġġ tiegħu bl-ALS.
Bjorn ilu jgħix bl-ALS għal 11-il sena, kundizzjoni newroloġika li bidlitlu ħajtu kompletament. Madankollu, minkejja l-isfidi personali tiegħu, huwa flimkien ma’ ħafna oħrajn irnexxielu jgħin numru kbir ta’ pazjenti, u saħansitra fetaħ żewġt idjar dedikati għal persuni b’kundizzjonijiet newroloġiċi, biex jingħataw kura u dinjità kif jixirqilhom.
Il-messaġġ tiegħu jintemm b’kelma waħda li saret sinonima miegħu: “Kuraġġ.” Kelma sempliċi, iżda li fiha tiġbor snin ta’ sfidi, determinazzjoni u tama. Messaġġ li jfakkarna li anke meta l-ħajja tfakkarna kemm aħna fraġli, xorta nistgħu nsibu l-ilma fid-deżert u nkunu sors ta’ tama għal oħrajn.
Facebook / Bjorn Formosa