B’għajnejn ħodor mill-isbaħ, pil oħxon u dehra tassew gustuża, Valentino żgur li jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min jarah. Madankollu, skont l-għaqda CSAF – Carers for Stray and Abandoned Felines, l-isbaħ kwalità ta’ dan il-qattus hija l-imħabba kbira li għandu lejn in-nies.
F’pubblikazzjoni fuq Facebook, l-għaqda ppreżentat lil Valentino, qattus imħallat mar-razza Maine Coon, bħala wieħed ġentili ħafna u soċjevoli. Minkejja d-daqs tiegħu u d-dehra sabiħa tiegħu, huwa jħobb jitfissed u jfittex l-attenzjoni ta’ dawk ta’ madwaru.
L-għaqda spjegat ukoll li Valentino diġà huwa msewwi, iżda m’għandux marka fuq widintu. Dan iqajjem il-possibbiltà li xi darba kien qattus tad-dar, għalkemm ma hemmx informazzjoni ċerta dwar il-passat tiegħu jew kif spiċċa waħdu. Minkejja dak li seta’ għadda minnu, Valentino għadu jafda lin-nies u jilqa’ kull turija ta’ mħabba. Ix-xewqa tal-voluntiera hija li jsib familja responsabbli li tagħtih l-istabbiltà, il-kura u dak kollu li jixraqlu.
“Valentino m’għandux bżonn palazz,” sostniet l-għaqda fil-messaġġ tagħha, filwaqt li enfasizzat li kulma għandu bżonn huwa dar għal dejjem fejn ikun maħbub u qatt ma jerġa’ jisfa ruħu abbandunat.
Kull min jixtieq jadotta lil Valentino jew jikseb aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja direttament lil CSAF permezz ta’ messaġġ privat, email jew is-sit elettroniku www.csafmalta.com.
Facebook/ CSAF – Carers for Stray and Abandoned Felines