Partita futbol li kienet mimlija emozzjonijiet fit-Toni Bezzina Stadium, ġewwa Kordin, wasslet lil Janice Abela Chetcuti biex taqsam messaġġ ta’ tama u kuraġġ dwar l-isfidi li niltaqgħu magħhom fil-ħajja.
F’kitba li ppubblikat fuq il-midja soċjali, Abela Chetcuti, li hija x-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali, irrakkontat kif waqt li kienet qed issegwi partita l-Ħadd, ġietha f’moħħha riflessjoni dwar ix-xebh bejn il-futbol u l-ħajja ta’ kuljum. Hija fissret li l-futbol mhuwiex biss kwistjoni ta’ rebħ jew telf, iżda wkoll ta’ passjoni, perseveranza, diżappunt u tama. Bħalma jiġri fil-grawnd, fil-ħajja wkoll mhux kollox imur kif inkunu ppjanajna, iżda dejjem jibqa’ importanti l-mod kif nagħżlu li nirreaġixxu.
Abela Chetcuti użat ix-xbieha ta’ qawsalla li tista’ tidher wara sema mudlama biex tfakkar li ż-żminijiet diffiċli ma jibqgħux għal dejjem. Skontha, filwaqt li ma nistgħux nikkontrollaw kull diffikultà li niltaqgħu magħha, nistgħu nagħżlu l-imġiba lejn kif inħarsu lejha.
Il-messaġġ tagħha spiċċa b’appell biex inżommu l-fidi fi ġranet isbaħ, anke meta nkunu għaddejjin minn mumenti ta’ inċertezza jew diżappunt.
Facebook/ Janice Abela Chetcuti