Il-Mowbajl Donnu Sar Aktar Importanti Mill-Persuna Ta’ Quddiemna

Għandna aktar ċans nikkommunikaw b'tant riżorsi... imma fl-istess ħin aktar imbiegħda minn xulxin! Hija xena li naraw kuljum. Familja f’ristorant fejn kulħadd qed iħares lejn il-mobile. Grupp ta’ ħbieb bilqiegħda madwar mejda, iżda kulħadd qed jiskrollja. Anke waqt vaganzi, kunċerti jew mumenti speċjali, ħafna drabi l-ewwel ħsieb ikun li noħorġu l-kamera qabel ma ngawdu l-mument.

Il-mowbajl bla dubju għamel ħajjitna aktar faċli. Inżommu kuntatt mal-familja, naħdmu, ninfurmaw ruħna u anke niddevertu permezz tiegħu. Iżda dejjem qed tqum aktar il-mistoqsija, qed nagħtu wisq spazju lill-iskrin u ftit wisq lil dawk ta’ madwarna?

Mhux kulħadd jaqbel. Hemm min jgħid li t-teknoloġija hija parti mill-ħajja moderna u li m’hemm xejn ħażin fiha jekk tintuża b’mod bilanċjat. Oħrajn, iżda, iħossu li qed nitilfu l-konversazzjonijiet veri u l-ħila li nkunu preżenti fil-mument.

Forsi m’hemmx tweġiba waħda tajba. Imma mistoqsija tibqa’, meta toħroġ tiekol jew tqatta’ ħin ma’ xi ħadd, il-mobile jibqa’ fuq il-mejda... jew fil-but?

U int x’taħseb? Il-mobile qed jgħinna ngħixu aħjar, jew qed jisirqilna l-isbaħ mumenti tal-ħajja?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI