"Grazzi Minn Qalbna!" – Palestinjan Isib Flixkun Mimli Dqiq U Ross Mal-Kosta Ta' Gaża

Jidher li l-fliexken mimlija dqiq u ross li twaddbu lbieraħ mill-kosta tal-Eġittu qed jaslu ħdejn il-kosta ta’ Gaża. Dan hekk kif qed jinħarġu diversi filmati fuq il-midja fejn Palestinjani qed jgħidu li sabu dawn il-fliexken jitkaxkru mal-kosta ta’ Gaża.

“Minn qalbna nirringrazzjaw lil min waddab dan il-flixkun,” saħaq Palestinjan f’filmat emozzjonali. Jidher li mal-flixkun dan ir-raġel sab nota miktuba mill-attivisti Eġizzjani li ħadu ħsieb iwettqu din l-inizjattiva. Fin-nota l-attivisti jesprimu s-sogħba tagħhom għall-ġuħ li l-Palestinjani qed ikollhom jesperjenzaw.

Rapporti li nħarġu sigħat wara li raġel Eġizzjan qanqal l-attenzjoni fuq il-midja wara li waddab xi fliexken mimlija dqiq u ross lejn il-kosta ta’ Gaża spjegaw kif ir-raġel kien qed jagħmel dan b’mod responsabbli u bl-assistenza ta’ xi esperti.

Dan hekk kif l-esperti kienu qed jindikawlu eżattament kemm għandu jitfa’ dqiq u ross f’kull flixkun sabiex dan żgur jitkaxkar mal-mewġ kif ukoll lejn liema naħa għandu jwaddabhom sabiex jiffavorixxih ir-riħ.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI