"Grazzi talli ħriġtuni nimxi llum. Għal ftit ħin insejt li jien kelb ġo xelter." Dan huwa l-messaġġ li, kieku seta' jitkellem, kien iwassal Rolly wara kull mixja li jagħmel mal-voluntiera.
Għal dawk il-mumenti, Rolly jgawdi rwejjaħ ġodda, iħoss is-sħana tax-xemx u jesperjenza ftit mil-libertà li tant jixtieq. Imma wara l-mixja, jerġa' lura fil-kennel, fejn jibqa' jistenna ċ-ċans li xi darba xi ħadd jagħtih dar mimlija mħabba.
Minkejja kollox, Rolly ma jitlifx it-tama. B'denbu dejjem iċaqlaq u b'qalbu miftuħa, jibqa' jistenna l-jum meta ma jkollux għalfejn jgħid addiju fi tmiem il-mixja, iżda minflok jitlaq lejn id-dar il-ġdida tiegħu ma' familja li tħobbu għal dejjem.
L-istorja tiegħu tfakkarna li kull kelb fix-xelter qed jistenna opportunità waħda biss biex ibiddel ħajtu għal dejjem.