L-MEP Alex Agius Saliba wissa li l-bidliet riċenti fir-regoli tal-Unjoni Ewropea qed iwasslu biex il-konsumaturi Maltin iħallsu ferm aktar minn konsumaturi f’pajjiżi oħra meta jordnaw prodotti minn pjattaformi bħal Temu. Agius Saliba jispjega li l-miżura l-ġdida tal-UE neħħiet l-eżenzjoni li kienet tapplika għal pakketti b’valur ta’ inqas minn €150, u issa qed tiġi applikata tariffa ta’ €3 għal kull kategorija ta’ prodott.
Huwa qal li, filwaqt li ħafna pjattaformi fetħu ċentri ta’ distribuzzjoni fl-Ewropa biex inaqqsu l-impatt ta’ dawn il-ħlasijiet, il-konsumaturi Maltin xorta qed jispiċċaw iħallsu aktar minħabba l-ispejjeż tat-trasport lejn Malta. Agius Saliba spjega li matul l-aħħar ġimgħa u nofs saru testijiet fejn ġew ordnati l-istess prodotti fl-istess ħin lejn Malta, l-Italja u l-Ġermanja.
"Skoprejna li biex dawk l-istess prodotti jaslu Malta, l-ispiża kienet id-doppju, jekk mhux aktar, minn dik li ħallsu konsumaturi fl-Italja u fil-Ġermanja," sostna. Huwa argumenta li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju tas-suq uniku Ewropew, li għandu joffri l-istess opportunitajiet u għażliet lill-konsumaturi kollha, irrispettivament minn fejn jgħixu.
"Bis-saħħa tar-regoli tal-Unjoni Ewropea stess, is-suq uniku issa qed jiddiskrimina direttament kontra stati gżejjer żgħar bħal Malta," qal. L-MEP żvela wkoll li kiteb lill-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Maroš Šefčovič, biex jitlob li tinstab soluzzjoni immedjata sabiex il-konsumaturi Maltin ma jibqgħux żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk fil-bqija tal-Ewropa.
Facebook / Alex Agius Saliba