Haley Bugeja Ssir L-Aqwa Skorer Barranija Ta’ Kull Żmien Għat-Tim Tal-Inter

Riċentament, l-plejer internazzjonali Haley Bugeja li bħalissa qed tilgħab fis-Serie A fl-Italja, saret l-aqwa skorer barranija tat-tim ta’ kull żmien. Replay tkellmu dwar dan.

Qalu, “Matul tmiem il-ġimgħa, l-internazzjonali Maltija li qed tilgħab fis-Serie A Taljana mal-Inter Hayley Bugeja skorjat wieħed mill-gowls fir-rebħa li t-tim tan-nisa tal-Inter kellhom fil-Kampjonat kontra Parma bl-iskor ta’ 3-0. Permezz ta’ dan il-gowl, li kien skorjat minn Bugeja fid-39 minuta, l-attakkanta Maltija ta’ 22 sena, saret uffiċjalment l-aqwa skorer barranija ta’ kull żmien għat-tim tan-nisa ta’ Inter.”

Żiedu, “Sal-lum, Bugeja skorjat total ta’ 29 gowl ma’ Inter. Fis-sajf tal-2023, Bugeja kienet iffirmat l-ewwel kuntratt tagħha ma’ Inter u minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-eks plejer ta’ Mġarr United, Sassuolo u Orlando Pride, skorjat 15-il gowl fis-Serie A, gowl wieħed fil-UEFA Champions League u l-bqija tal-gowls kienu skorjati f'kompetizzjonijiet differenti.
 Il-gowl ta’ Bugeja fil-UEFA Champions League, kien skorjat dan l-istaġun u kien wieħed storiku għaliex kien l-ewwel gowl fl-istorja tat-tim tan-nisa ta’ Inter f’din il-kompetizzjoni, fil-konfront li i Nerazzurri kienu rebħu kontra BK Häcken.”

Qalu wkoll, “Intant, Bugeja, li llha li telqet minn Malta biex tilgħab futbol professjonali mis-sajf tas-sena 2020, tinsab viċin li tilħaq ir-rekord tal-eks plejer internazzjonali Maltija, Dorianne Theuma, fl-ammont ta’ gowls skorjati fl-istorja ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa. Sal-lum, Bugeja skorjat 25 gowl ma’ Malta, filwaqt li Theuma kienet temmet il-karriera tagħha mat-tim nazzjonali b’ammont rekord ta’ gowls ma’ Malta ta’ 26 gowl.”

Ritratt:

Malta Football Players Association

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI