Clifford Galea ħabbar it-tnedija ta’ ktieb ġdid kmieni dan ix-xahar, ktieb li għalih ifisser il-milja ta’ ħolma li kien ilu jixtieq iwettaq. Il-pubblikazzjoni, bl-isem Il-Kolleġġjata Ta' Marija Bambina Tan-Naxxar – Fi Żmien Il-Festa, se titnieda uffiċjalment għada.
Dan il-ktieb huwa differenti minn pubblikazzjonijiet tradizzjonali, hekk kif huwa maħsub bħala souvenir book li juri kif il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fil-Parroċċa tan-Naxxar tintrama u titħejja għall-festa titulari tagħha, b’ritratti u dettalji li jaqbdu l-atmosfera unika ta’ dawn il-jiem tant għeżież għan-Naxxarin.
Fil-messaġġ tiegħu, Galea rringrazzja lil Mark Micallef Perconte tal-paċenzja u l-professjonalità tiegħu matul il-ħidma fuq il-ktieb, kif ukoll lil Best Print Malta għall-kwalità tal-prodott finali.
Huwa esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn l-Arċipriet Dun David Gauci għad-direzzjoni tiegħu, lil Andrew Borg u lis-Sagristan Godwin Gauci, filwaqt li saħaq li mingħajr il-kontribut tagħhom dan il-proġett ma kienx ikun possibbli.
Fl-għeluq tal-messaġġ tiegħu, Clifford Galea stieden lill-pubbliku biex jingħaqad fiċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ Sidtna Marija Bambina u jkun preżenti għat-tnedija tal-ktieb, li tifforma parti mill-attivitajiet marbuta mat-300 anniversarju tal-Kolleġġjata tan-Naxxar taħt it-tema #300senafostnannaxxarin (1726–2026).
Facebook / Clifford Galea