Iż-Żagħżugħ Jacob Micallef Jikseb L-Ewwel Rebħa Tiegħu Fil-GB3 B’Manuvra Spettakolari Fl-Aħħar Kantuniera F’Silverstone

Is-sewwieq Malti Jacob Micallef kiseb rebħa memorabbli fid-debutt tiegħu fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone, meta rebaħ waħda mit-tiġrijiet tal-kampjonat GB3 wara manuvra spettakolari fl-aħħar kantuniera tal-aħħar dawra. Is-suċċess wasal f’dak li ġie deskritt bħala waħda mill-aktar tiġrijiet memorabbli fl-istorja tal-kampjonat.

Micallef, li qed isuq mat-tim Hitech, jinsab biss fit-tielet avveniment tiegħu fil-GB3 u ilu biss għaxar xhur jikkompeti b’karozzi single-seater. Wara prestazzjonijiet inkoraġġanti fis-sessjonijiet ta’ taħriġ u kwalifiki, temm l-ewwel tellieqa fid-disa’ post, filwaqt li fit-tieni waħda spiċċa fil-11-il post, u b’hekk ħejja ruħu għall-aħħar tellieqa tal-weekend minn post promettenti fuq il-grid.

Kien fit-tielet tellieqa li Micallef wera l-aqwa tiegħu. Wara bidu b’saħħtu, beda javvanza b’mod impressjonanti, inkluż meta qala' b'mod spettakolari l-Maggots u Becketts biex tela’ fit-tieni post. Fl-aħħar dawra, għamel l-aħħar attakk tiegħu f’Brooklands, fejn qabeż lill-leader fuq barra tal-kantuniera u qasam il-linja finali fl-ewwel post biex kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-kampjonat GB3 u anke fl-ewwel staġun tiegħu fis-single-seaters.

Din ir-rebħa kompliet tikkonferma l-progress mgħaġġel tas-sewwieq Malti, li f’perjodu qasir ta’ żmien qed jagħmel ismu f’wieħed mill-aktar kampjonati kompetittivi għall-iżvilupp ta’ talenti żgħażagħ fil-motorsport. Il-prestazzjoni tiegħu f’Silverstone, wieħed mill-aktar ċirkwiti prestiġjużi fid-dinja, qed titqies bħala pass importanti fil-karriera tiegħu.

Wara t-tiġrija, Micallef stqarr li baqa’ bla kliem b’dak li rnexxielu jikseb u qal li ried jagħti kollox sal-aħħar. Huwa rringrazzja lill-familja, lill-ħbieb, lill-isponsors, lill-management u lit-tim Hitech għall-appoġġ tagħhom, filwaqt li sostna li din ir-rebħa tagħtih fiduċja kbira għall-isfidi li ġejjin. Issa se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-kampjonat tal-Formula 4 Spanjola, fejn se jikkompeti f’Jarama, Madrid, fit-22 u t-23 ta’ Awwissu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI