Hospice Malta nediet b’kburija l-kampanja annwali ta’ ġbir ta’ fondi tagħha, Ħajja Sal-Aħħar, li se tilħaq il-qofol tagħha b’maratona ta’ ġbir ta’ fondi ta’ 12-il siegħa fuq it-televiżjoni nhar il-Ħadd, 6 ta’ Lulju 2025, bejn il-11:00 u l-23:00 fuq stazzjonijiet televiżivi lokali.
Din l-inizjattiva importanti tappoġġja l-missjoni tal-organizzazzjoni li tipprovdi kura paljattiva ta’ kwalità għolja bla ħlas lil persuni b’mard li jillimita l-ħajja. Hekk kif kull sena jiżdied il-bżonn għas-servizzi ta’ Hospice Malta, il-maratona hija parti essenzjali biex jiġi żgurat li Hospica Malta tista’ tkompli toffri kura u sapport lil eluf ta’ pazjenti u l-familji tagħhom, mingħajr ebda ħlas.
Il-fondi miġbura se jgħinu jżommu servizzi bħal kura fid-dar, kura residenzjali, sapport psikoloġiku u terapiji ħolistiċi offruti mit-tim ta’ Hospice. Il-kampanja tibqa’ għaddejja sat-6 ta’ Lulju u qed tħeġġeġ lill-individwi, negozji u l-komunità Maltija kollha biex tieħu sehem billi tagħti donazzjoni u jxerrdu l-messaġġ.
Kull kontribuzzjoni, tkun kemm tkun żgħira, tgħin lil Hospice Malta jkompli bix-xogħol tagħhom ta’ mħabba u joffri dinjità u serħan f’mumenti diffiċli ħafna. Appoġġja lil Hospice Malta fis-6 ta’ Lulju. Għal aktar informazzjoni żur: www.hospicemalta.org.