Huwa “estremament improbabbli” li l-Coronavirus infirex minn xi laboratorju Ċiniż u l-ebda xogħol ieħor mhu meħtieġ biex ikompli jinvestiga din it-teorija, ikkonkludiet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Huma tennew ukoll li l-istudju dwar l-oriġini tas-Sars-CoV-2, il-virus responsabbli għal Covid-19, kixef informazzjoni ġdida iżda ma bidlitx b’mod drammatiku l-istampa tal-pandemija.
“Is-sejbiet jissuġġerixxu li l-ipoteżi tal-inċident tal-laboratorju huwa estremament improbabbli li tispjega l-introduzzjoni tal-virus fil-popolazzjoni umana,” qal Dr Peter Ben Embarek, mexxej tal-investigazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’Wuhan, fejn huwa maħsub li l-ewwel ħareġ dan il-virus.
Kien intqal li x-xjentisti fl-Istitut tal-Viroloġija ta’ Wuhan (WIV) kienu qed jesperimentaw b’virus ġenetikament simili għal Sars-CoV-2 qabel ma nxtered fil-komunità tal-madwar.