Is-sit Times of Malta rrappurtaw li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jirdoppjaw in-numru ta’ ċentri ta’ tilqim għal 20 fil-ġimgħat li ġejjin minħabba li n-numru ta’ dożi tal-vaċċin tal-Covid-19 disponibbli għandu jiżdied b’mod sinifikanti fix-xahar ta’ Frar.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan waqt li kien qed iżur xogħlijiet li għaddejjin fuq ċentru tal-kura tas-saħħa ġdid f’Raħal Ġdid. Il-Ministru Fearne qal li mill-10 preżenti, in-numru ta’ ċentri ser jitla’ għal 20, iżda ma pprovdiex dettalji dwar il-post tagħhom.
Huwa qal ukoll li nhar it-Tnejn, l-awtoritajiet tas-saħħa se jibdew jagħtu l-vaċċin lil dawk ‘il fuq minn 85 li ma jistgħux joħorġu minn djarhom kif ukoll lil pazjenti bil-kanċer li waslu biex jibdew il-kimjoterapija. Il-vaċċin huwa inqas effettiv meta pazjent ikun għaddej minn kimoterapija skont il-Ministru tas-Saħħa.
Huwa tenna wkoll li hemm pjanijiet biex jibdew jitlaqqmu l-frontliners li mhux mediċi fil-ġimgħat li ġejjin, inklużi uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali tas-CPD, gwardjani tal-ħabs u l-għalliema.