Iċ-Ċentru Tal-Volontarjat Jake Vella Se Joffri Studio Tal-Podcasts B’Xejn Lill-Għaqdiet Volontarji – L-MP Julia Farrugia

Iċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f’Kordin kompla jissaħħaħ b’investiment ġdid li se jagħti aktar opportunitajiet lill-għaqdiet volontarji f’Malta. Dan tħabbar mill-Membru Parlamentari, Julia Farrugia, li spjegat kif matul din is-sena biss, iċ-ċentru ntuża 332 darba.

Fost l-aktar żviluppi ġodda hemm l-inawgurazzjoni ta’ studio għall-podcasts, li se jkun disponibbli bla ħlas għall-għaqdiet volontarji minn Jannar li ġej, inkluż l-appoġġ minn tim tekniku. F’filmat, l-MP spjegat, li l-istudjo mhux se jintuża biss biex jinħoloq kontenut relatat mal-ħidma tal-għaqdiet, iżda se jkun miftuħ ukoll għal dawk li jixtiequ jirrekordjaw il-podcasts tagħhom stess.

Mauro Pace Parascandolo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), qal li t-tim tekniku se jkun qed jassisti lill-għaqdiet fil-produzzjoni ta’ intervisti li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaqsmu informazzjoni importanti mal-komunità. Min-naħa tiegħu, Antonio Olivari, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-MCVS, ħeġġeġ lill-għaqdiet isegwu l-mezzi soċjali tal-kunsill sabiex ikunu infurmati dwar is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet.

B’dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji se jkollhom għodda oħra biex ixerrdu l-ħidma tagħhom, joħolqu kampanji u jagħtu aktar vuċi lill-inizjattivi li jwettqu għall-ġid tal-komunità.

Ritratt:

Facebook/Julia Farrugia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI