Id-Deputat Prim Ministru għas-Saħħa Ian Borg sar wieħed mit-30,548 persuna rreġistrata bħala donatur tal-organi f’Malta. Borg irreġistra uffiċjalment bħala donatur waqt laqgħa li fiha ħeġġeġ lil aktar persuni biex jagħmlu l-istess, filwaqt li fakkar li donatur wieħed jista’ jgħin biex jiġu salvati sa tmien ħajjiet.
Il-laqgħa, li saret fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi, laqqgħet flimkien persuni li rċevew trapjant, donaturi rreġistrati u l-familji tagħhom. Bħalissa, fir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u t-Tessuti Umani hemm 30,548 donatur irreġistrat. Matul dawn l-aħħar sentejn u nofs, aktar minn 2,410 persuni ġodda għażlu li jingħaqdu mar-reġistru.
Iċ-ċifri jkomplu jenfasizzaw l-importanza tad-donazzjoni tal-organi. Fl-2024, 8,591 pazjent madwar l-Ewropa mietu waqt li kienu qed jistennew trapjant ta’ organu. Min jixtieq isir donatur jista’ jirreġistra online permezz tas-sit uffiċjali tad-donazzjoni tal-organi, jew personalment fir-reception prinċipali tal-Isptar Mater Dei, kull nhar ta’ Ħamis u Ġimgħa bejn id-09:00 u 12:30.