Il-Kunsilliera tal-Birgu Rianne Cini sellmet il-memorja ta’ Brian Cassar b’messaġġ mill-qalb, fejn fakkret ir-rabta sabiħa li nħolqot bejniethom fiż-żmien li fih kellha l-opportunità tieħu ħsiebu bħala infermiera. "Brian, kif ħallejtna. Kelli l-isbaħ privileġġ li nieħu ħsiebek," kitbet Rianne, filwaqt li fakkret fil-ħafna daħk u praspar li kienu jaqsmu flimkien.
Hi żvelat ukoll kliem li Brian kien jgħidilha u li żgur se jibqa’ għal dejjem f’qalbha, "Int l-aqwa nurse, u tiġi int, nieħu ruħ." Ir-rabta bejniethom kompliet tikber meta Brian sar jaf li Rianne kienet mill-Birgu. Hi fakkret fil-ferħ tiegħu meta darba żejnitlu l-kamra bit-tema tar-Regatta, kif ukoll fid-daħk li kien ikun hemm bejniethom dwar il-festi. Rianne tirrakkonta kif malajr kien isibilha xi marċ ta’ San Lawrenz.
"Ma kontx biss sirt pazjent tiegħi imma kont sirt ħabib sinċier ukoll," kitbet il-Kunsilliera fit-tislima tagħha. Rianne temmet il-messaġġ tagħha billi talbet lil Brian biex issa jħares lill-għeżież tiegħu minn hemm fuq, b’mod speċjali lil uliedu u lill-familja kollha.
Kondoljanzi lill-familja u lill-qraba kollha ta’ Brian Cassar. Strieħ fis-sliem.
Facebook / Brian Cassar