Lebo M u Refi jingħaqdu ma’ artisti internazzjonali oħra għall-kunċert The Big 3 – Cinematic Legends fl-MFCC fis-16 ta’ Jannar 2027. L-ilħna leġġendarji marbuta mal-film ta’ Disney The Lion King, Lebo M u Refi, se jkunu qed iżuru Malta bħala mistiedna speċjali fil-kunċert The Big 3 – Cinematic Legends: Zimmer, Morricone, Williams & More, li se jittella’ nhar is-Sibt, 16 ta’ Jannar 2027, fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet ta’ Malta (MFCC), f’Ta’ Qali.

Lebo M, il-kompożitur, produttur u kantant mill-Afrika t’Isfel ta’ fama internazzjonali, huwa magħruf għall-kontribut ikoniku tiegħu fil-mużika ta’ The Lion King, fosthom il-vuċi tiegħu fil-ftuħ indimentikabbli tal-kanzunetta Circle of Life. Il-kollaborazzjoni tiegħu ma’ Hans Zimmer wasslet għall-ħolqien ta’ waħda mill-aktar mużiċi ċinematografiċi magħrufa u maħbuba, li ilha ssaħħar lill-udjenzi madwar id-dinja għal aktar minn tliet deċennji.
Miegħu se tingħaqad Refi Sings, kantanta rinomata li hija marbuta mal-wirt mużikali ta’ The Lion King, u li se tkun qed tagħti sehemha f’din il-produzzjoni spettakolari bil-vuċi qawwija tagħha u l-preżenza dinamika tagħha fuq il-palk. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artisti se toffri lill-udjenza opportunità rari biex tesperjenza l-maġija ta’ The Lion King permezz ta’ interpretazzjonijiet diretti minn artisti li għandhom rabta mal-istorja mużikali ta’ dan il-film tant maħbub.

Iż-żewġ stilel se jingħaqdu ma’ grupp eċċezzjonali ta’ artisti internazzjonali, fosthom Gavin Greenaway, direttur tal-orkestra rinomat u kollaboratur għal żmien twil ta’ Hans Zimmer; Rusanda Panfili, vjolinista virtuża u Direttur Artistiku; Pedro Eustache, mużiċist ta’ fama dinjija li jdoqq diversi strumenti; u Carla Chamoun, kantanta magħrufa għall-parteċipazzjoni tagħha f’The World of Hans Zimmer.
Akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u Kor Malta, is-sitt artisti internazzjonali se jagħtu l-ħajja lil mużika ikonika minn films bħal Gladiator, The Lion King, Pirates of the Caribbean, Interstellar, Superman, Star Wars, The Mission, Cinema Paradiso, Dune, Once Upon a Time in America u Indiana Jones, fost ħafna oħrajn. Dan kollu se jkun akkumpanjat minn effetti viżivi spettakolari li se jkomplu jsaħħu l-esperjenza għall-udjenza.

Dawk li jixtru biljetti tal-kategorija Platinum se jkollhom ukoll l-opportunità li jgawdu minn esperjenza VIP esklussiva, li tinkludi laqgħa speċjali wara l-kunċert u opportunità biex jiltaqgħu ma’ wħud mill-artisti internazzjonali li se jieħdu sehem. Din il-produzzjoni fuq skala kbira qed tittella’ minn Jemmbiz Ltd, b’kollaborazzjoni ma’ RPL Malta u Calma Management, u tiċċelebra l-wirt mużikali straordinarju ta’ tliet kompożituri leġġendarji tal-mużika ċinematografika: Hans Zimmer, Ennio Morricone u John Williams.

L-organizzaturi jirringrazzjaw lil Visit Malta, lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u lil Hilton Malta għall-appoġġ tagħhom, li qed jgħin biex din il-produzzjoni internazzjonali prestiġjuża tittella’ f’Malta. The Big 3 - Cinematic Legends se jittella’ nhar is-Sibt, 16 ta’ Jannar 2027, fis-19:30 fl-MFCC, Ta’ Qali.
Il-prezzijiet tal-biljetti jibdew minn €40. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn Eventworks, filwaqt li għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-kunċert.