Ħafna professjonisti fil-qasam mediku esperjenzawha, iżda ftit kienu jafu li għandha isem. Mhijiex burnout u lanqas sinjal ta’ dgħufija. Hija magħrufa bħala “moral injury” – ferita psikoloġika li tiżviluppa meta persuna tkun taf x’inhi l-aħjar ħaġa li għandha tagħmel, iżda ċ-ċirkostanzi ma jippermettulhiex tagħmilha.
Permezz ta’ Mental Health of Medics, Dr Luke Zammit, tabib fid-Dipartiment tal-Emerġenza, spjega kif dan il-fenomenu jseħħ meta professjonisti jkunu xhieda ta’ tbatija li ma jistgħux itaffu kompletament jew ikollhom jagħmlu għażliet diffiċli bejn pazjenti li kollha jeħtieġu kura urġenti.
Huwa qal li, b’differenza mill-PTSD li huwa marbut mal-biża’, il-“moral injury” hija marbuta mal-kuxjenza u tista’ twassal għal sensazzjonijiet ta’ ħtija, mistħija, rabja u telf tas-sens ta’ skop.
L-aktar oqsma milquta huma dawk tal-emerġenza, il-kura intensiva, il-kura palljattiva, l-onkoloġija u l-infermiera, fejn il-pressjoni hija kontinwa u d-deċiżjonijiet spiss ikollhom konsegwenzi serji.
Skont Dr Zammit, li wieħed jagħraf u jagħti isem lil din l-esperjenza huwa pass importanti. Huwa enfasizza wkoll il-valur tal-appoġġ bejn il-kollegi u l-importanza li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa juru kompassjoni lejhom infushom, bl-istess mod li jagħmlu mal-pazjenti tagħhom.
“Li nirrikonoxxu l-moral injury huwa mod kif nieħdu ħsieb lil dawk li jqattgħu ħajjithom jieħdu ħsieb lill-oħrajn,” temm jgħid.
Facebook / Mater Dei Hospital