Il-Kelma Li Ma Tgħidx – Produzzjoni Li Titkellem Dwar Dak Li Ħafna Drabi Jibqa’ Mistur Fis-Skiet

Mhux spiss li f’pajjiżna jkollna l-opportunità li naraw produzzjoni teatrali ispirata minn storja vera. U din mhijiex storja kwalunkwe. Hija storja ta’ ġuvni li għadda minn esperjenza ta’ abbuż, esperjenza li saħansitra wasslet sal-Qorti.

Storja li setgħet kissritu, li setgħet ħallietu jgħix għal dejjem fid-dell ta’ dak li ġarrab. Iżda minflok, wara numru ta’ snin, sab il-kuraġġ li jittrasforma l-uġigħ tiegħu f’xi ħaġa li tista’ tqajjem kuxjenza, tiftaħ għajnejn in-nies u, fuq kollox, tagħti vuċi lil dak li ħafna drabi jibqa’ mistur fis-skiet.

Diffiċli nsib il-kliem biex niddeskrivi produzzjoni bħal din. Il-Kelma Li Ma Tgħidx hija produzzjoni b’kast formidabbli għall-aħħar. Kast żagħżugħ, iżda mimli talent, sensittività u maturità artistika li tassew timpressjona. Sa mill-ewwel mumenti, it-teatru ta’ Spazju Kreattiv jinbidel f’ambjent ta’ bandli, spazju li normalment nassoċjaw mal-innoċenza, il-ferħ u t-tfulija. Iżda proprju f’dan l-ambjent, il-protagonisti jeħduna fuq vjaġġ emozzjonali li diffiċli tibqa’ indifferenti għalih.

Vjaġġ li matulu nempatizzaw mal-karattri, inħossu l-emozzjonijiet tagħhom, nistmerru lill-aggressur u l-imġiba deplorevoli tiegħu. Iżda fuq kollox, il-produzzjoni tagħtina l-opportunità li nippruvaw nifhmu dak li jgħaddi minnu min ikun ġarrab l-abbuż. Il-konfużjoni. Il-biża’. Il-mistħija. Ir-rabja. Is-sens ta’ stmerrija. Ix-xewqa għall-ġustizzja. Il-mistoqsijiet li jibqgħu bla tweġiba. U dak il-piż emozzjonali li mhux dejjem jidher minn barra, iżda li jista’ jibqa’ jinġarr għal snin sħaħ.

Fil-partijiet prinċipali nsibu lil Kim Dalli u Ben Abela, li jagħtuna żewġ interpretazzjonijiet mill-aqwa, mimlija emozzjoni, intensità u awtentiċità. It-tnejn jirnexxielhom iwasslu l-kumplessità tal-karattri tagħhom b’sensittività kbira, fejn kultant anke ħarsa, silenzju jew ġest żgħir ikunu biżżejjed biex iwasslu emozzjoni qawwija lill-udjenza.

Huma interpretazzjonijiet li mhux biss jikkonvinċuk, iżda jġiegħluk tħoss dak li jkunu għaddejjin minnu l-karattri. Magħhom insibu lill-bqija tal-kast, li bl-istess dedikazzjoni, talent u impenn jagħti kontribut imprezzabbli biex din l-istorja tingħata l-ħajja bl-aktar mod kredibbli u effettiv.

Kast żagħżugħ li tassew jistħoqqlu kull tifħir, mhux biss għall-ħila artistika tiegħu, iżda wkoll għall-maturità u s-sensittività li bihom irnexxielu jittratta suġġett daqstant delikat. Kull interpretazzjoni għandha l-importanza tagħha, u flimkien joħolqu produzzjoni b’saħħitha li tħalli impatt emozzjonali fuq kull min ikun qed isegwiha.

Hija produzzjoni li ma tippruvax sempliċement tirrakkonta storja, iżda ġġiegħlek tħossha. Iġġiegħlek taħseb. U fuq kollox, tfakkrek kemm wara kull każ ta’ abbuż hemm bniedem, hemm emozzjonijiet, hemm ħajja li tinbidel. Forsi proprju hawn tinsab is-saħħa ta’ din il-produzzjoni. Li tagħti spazju lil storja li setgħet baqgħet ma tingħadx, u li tagħmel dan b’tant kuraġġ u sensittività.

M’hemmx wisq aktar x’nista’ ngħid ħlief prosit mill-qalb lil Luke Andre Camilleri li jtella' produzzjoni tant sensittiva, produzzjoni teatrali li tista’ tħalli impatt fuq kull min jaraha. Prosit ukoll lil Tyrone Grima għall-kitba, lil Josue Formosa għad-direzzjoni, u lill-kast kollu li rnexxielu jagħti l-ħajja lil din l-istorja b’mod tant konvinċenti.

Il-Kelma Li Ma Tgħidx mhijiex sempliċement produzzjoni teatrali oħra. Hija esperjenza li tibqa’ miegħek anke wara li jintemm l-ispettaklu. Produzzjoni li ċertament mhux ta’ min jitlifha. U fuq kollox, storja li jistħoqqilha tinstema’.

Biljetti minn fuq is-sit ta' Spazju Kreattiv!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI