Ryan Hili B’Kanzunetta Ġdida Li Tfakkarna Li L-Imħabba Hija Dik Li Verament Tgħodd

Il-kantant Malti Ryan Hili, għadu kif nieda kanzunetta ġdida bl-isem “All That Really Matters”, xogħol mużikali li jittratta l-imħabba, l-isfidi ta’ relazzjoni u r-realizzazzjoni ta’ kemm persuna tista’ tkun importanti f’ħajjitna.

Il-kanzunetta, li ħarġet fis-16 ta’ Ottubru 2026, inkitbet minn Ryan Hili flimkien ma’ Wayne Spiteri, filwaqt li l-produzzjoni mużikali saret minn Cyprian Cassar.

Permezz ta’ din il-kanzunetta, Ryan iwassal storja li ħafna jistgħu jsibuha familjari magħhom. Relazzjoni mhux dejjem tkun faċli, u kultant in-nuqqas ta’ qbil u l-mumenti diffiċli jistgħu jġiegħlu lil żewġ persuni jitbiegħdu minn xulxin. Madankollu, minkejja l-isfidi, jasal mument meta wieħed jirrealizza li l-persuna li jħobb, tibqa’ dik li jixtieq ikollu maġenbu.

Wara l-parteċipazzjoni tiegħu fit-tielet staġun ta’ X Factor Malta, fil-Malta Eurovision u f’Mużika Mużika, Ryan qed ikompli jibni l-vjaġġ tiegħu fix-xena mużikali, billi joħloq kanzunetti li jirriflettu emozzjonijiet u esperjenzi li wieħed jgħaddi minnhom fil-ħajja.

Permezz ta’ dan ix-xogħol ġdid, il-kantant Malti jittama li jilħaq aktar semmiegħa, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

“All That Really Matters” issa tinsab disponibbli fuq Spotify, Apple Music u YouTube. Ta’ min jagħti ċans lil dan ix-xogħol ġdid u jkompli jappoġġja t-talent Malti!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI