Ilbieraħ kellna ċ-ċans nattendu għall-aħħar prova ġenerali ta' ARTi fit-Teatru Manoel, kummiedja mill-aqwa ta’ Yasmina Reza, bi traduzzjoni u direzzjoni ta’ Albert Marshall.
Din il-kummiedja tiftaħ għall-pubbliku proprju llejla fit-Teatru Manoel, u jkolli nistqarr li hija produzzjoni li wieħed għandu jattendi għaliha bi ħġaru, speċjalment jekk qed ifittex serata divertenti, fejn jista’ jidħak daħka tajba, iżda fl-istess ħin ikollu wkoll l-opportunità jirrifletti dwar kemm ċerti affarijiet, li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru sempliċi, kapaċi jsiru kumplessi.
Ray Calleja, Mikhail Basmadijian u Sean Buhagiar taw prestazzjonijiet eċċezzjonali. Tliet atturi ta’ klassi li wrew il-bravura tagħhom f’kull sens tal-kelma. Nafu li t-tlieta huma atturi rinomati, iżda lbieraħ kellna l-opportunità napprezzaw mill-qrib il-ħiliet tagħhom u l-mod kif kull wieħed minnhom irnexxielu jagħti l-ħajja lill-karattru tiegħu.
Ma nistax ma nsemmix b’mod partikolari monologu ta’ Ray Calleja, li ħalla lil dawk preżenti bla nifs u qasam lil kulħadd bid-daħk. Mument mill-aqwa li fih Ray wera x’attur straordinarju hu!
Min-naħa tagħhom, Sean u Mikhail, bil-mod sottili u naturali tagħhom, taw lill-karattri rispettivi tagħhom il-kulur, l-isfumaturi u l-profondità li kien hemm bżonn, b’interpretazzjonijiet mill-aktar konvinċenti li komplew jagħmlu din il-produzzjoni waħda speċjali.
Xogħol mill-aqwa minn kull min kien involut f’din il-produzzjoni. Ċert li kull min se jattendi se jieħu gost, jidħak kemm jiflaħ u, fuq kollox, ikollu opportunità oħra japprezza kemm għandna talent f’pajjiżna.
Prosit tassew lil kulħadd!