Il-Kunsill Lokali Ta’ Santa Luċija Jiċċelebra 65 Sena Ta’ Storja, Għaqda u Komunità

Illum, Santa Luċija tfakkar jum importanti għall-komunità tagħha hekk kif tiċċelebra Jum Santa Luċija, kif ukoll tfakkar il-65 sena mit-twaqqif uffiċjali tal-lokalità.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija wassal l-awguri tiegħu lir-residenti kollha u lil dawk kollha li jġorru l-isem ta’ Luċjan, filwaqt li fakkar fil-kburija li jappartjenu għal raħal żgħir fid-daqs iżda kbir fil-valuri u fl-għaqda tiegħu.

Il-kunsillier Liam Sciberras fakkar li kien fis-7 ta’ Lulju 1959 meta Santa Luċija ġiet stabbilita bħala lokalità permezz tal-Gazzetta tal-Gvern. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-raħal kompla jiżviluppa u sar magħruf għall-ġonna sbieħ tiegħu, il-knisja u, fuq kollox, għall-komunità li tagħtih il-ħajja.

Sciberras saħaq fuq l-importanza li l-progress jibqa’ jsir b’attenzjoni u b’rispett lejn dak li jagħmel lil Santa Luċija raħal uniku, filwaqt li rringrazzja lir-residenti għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, illejla fis-6:30pm ser tiġi ċċelebrata Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Luċija.

Ritratti:

Facebook/ Kunsill Santa Luċija

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI