“Mill-Mument Li Jidħol F’Kappella, Huwa Ma Jsibx Biss Dar, Imma Mħabba Vera” – Ktieb Miktub Minn Keith Spiteri

Keith Spiteri nieda 'Meadow – Qalb ta' Gwerrier', ktieb emozzjonanti li jirrakkonta l-vjaġġ ta' Meadow, kelb li sar simbolu ta' kuraġġ, imħabba u perseveranza. Maqsum f'10 kapitli, il-ktieb iwassal lill-qarrej minn mumenti ta' ferħ, rabta profonda u sfidi kbar, sal-paċi u l-memorja li tibqa' tgħix għal dejjem.

Il-vjaġġ ta' Meadow beda fid-19 ta' Diċembru 2021, meta l-kelb, li kien mitluf, daħal f'kappella medjevali waqt attività taċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar tal-Caritas. Dakinhar, Keith Spiteri, li jaħdem bħala edukatur fiċ-ċentru, fetaħlu l-bieb ta' daru u ta' qalbu billi adottah u semmieh Meadow.

Miktub mill-perspettiva tal-kelb Meadow, li miet fl-età ta' ftit aktar minn sentejn, il-ktieb jesplora temi universali bħat-telf, it-tbatija, il-fejqan u l-qawwa tal-imħabba. Il-ktieb huwa msaħħaħ ukoll bil-kontribut ta' diversi professjonisti Maltin. Fosthom hemm l-introduzzjoni ta' Dr Sergio Grech, xhieda mill-veterinarja Dr Christa Spiteri, kif ukoll kitba speċjali mill-psikjatra Dr Anthony Dimech li tesplora r-rabta emozzjonali u psikoloġika bejn il-bniedem u l-annimali.

Il-pubblikazzjoni se tkun disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tiswa €25. Jinkludi ftit aktar minn 300 paġna u bosta ritratti. Keith Spiteri ħabbar ukoll li l-profitt kollu mill-bejgħ tal-ktieb se jmur direttament biex jgħin lill-annimali fil-bżonn, biex il-wirt ta' Meadow ikompli jagħmel il-ġid.

Ritratti:

Facebook/Keith Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI