Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta nieda l-proġett ambjentali ECO Valletta, bl-għan li jagħmel il-Belt Valletta aktar sostenibbli. Din l-inizjattiva tistieden lin-negozji li jwettqu Corporate Social Responsibility (CSR) biex jgħinu fit-tħawwil ta’ siġar fiż-żoni madwar il-belt, filwaqt li tinvolvi wkoll ir-residenti fl-inħawi fejn joqogħdu.
L-ewwel fażi tal-proġett qed titwettaq grazzi għall-kontribut ġeneruż tal-Embassy Valletta Hotel, li qed jipprovdi numru ta’ siġar taż-żebbuġ biex jitħawlu fi spazji varji madwar il-Belt.

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, saħaq: “Dan il-proġett huwa pass ‘il quddiem biex nagħmlu l-Belt tagħna aktar sostenibbli. Iż-żieda fis-siġar mhux biss se ssebbaħ l-ambjent, iżda se ttejjeb il-kwalità tal-arja u toħloq ambjent aħjar għar-residenti u l-viżitaturi. Inħeġġeġ lin-negozji u lir-residenti biex jissieħbu f’din l-inizjattiva u jikkontribwixxu għal Belt Valletta aktar ħadra u sabiħa.”
Il-General Manager tal-Embassy Valletta Hotel, Hubert Debono, żied jgħid: “Nemmenu li n-negozji għandhom rwol kruċjali fil-ħarsien tal-ambjent li fih jaħdmu. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed nagħtu lura lill-komunità Beltija u nikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli.”