Quddiem l-ostakli tal-Brexit u l-pandemija tal-Covid, MaltaPost “għadha qed tirċievi posta mibgħuta mir-Renju Unit f’Diċembru.” F’kummenti lis-sit BusinessNow.mt, MaltaPost enfasizzat li t-tfixkil fl-ivvjaġġar internazzjonali kkawża dewmien fir-riċeviment tal-posta f’Malta u jgħaddu dettalji wkoll dwar l-ostakli ffaċċjati fis-sistema internazzjonali tal-posta matul is-sena li għaddiet.
“Għall-posta li tidħol, ir-responsabbiltà tal-MaltaPost tibda meta l-oġġett jingħata lilna mill-operatur tal-linja tal-ajru mal-wasla f’Malta,” jgħid il-Kap Operattiv tal-MaltaPost, Adrian Vassallo. Hu jkompli jisħaq, “MaltaPost u operaturi postali barranin oħra jiddependu fuq titjiriet tal-passiġġieri biex jibagħtu l-posta tagħhom fid-destinazzjoni tagħhom.”
Is-servizz tal-posta bejn Malta u r-Renju Unit kien milqut bil-kbir mill-għeluq tal-fruntiera bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit bejn il-Milied u s-Sena l-Ġdida minħabba l-varjant il=ġdid tal-Covid-19 u kompla grava meta kien hemm tnaqqis drastiku tat-titjiriet bejn il-pajjiżi minn dakinhar.
Wieħed irid iżomm f’moħħu li minn tliet titjiriet kuljum, il-pajjiż niżel għal tlieta fil-ġimgħa u b’hekk spiċċa hemm aktar domanda milli kapaċità għall-posta internazzjonali. Il-pandemija kellha impatt kbir fuq il-volumi tal-posta. Dan deher l-ewwel darba f’Jannar meta l-ajruporti taċ-Ċina ngħalqu. F’dan il-punt, iċ-Ċina kienet il-pajjiż li minnu Malta rċeviet l-iktar posta.
“It-tnaqqis fil-volumi tal-posta f’dan il-perjodu ma kienx dovut għal tnaqqis fl-ordnijiet onlajn iżda relatat mad-diffikultà għall-China Post u l-operaturi tal-courier biex jibagħtu l-posta tagħhom lejn Malta li aggravat fil-perjodu ta’ Marzu sa Ġunju meta l-ajruporti Ewropej għalqu l-fruntieri tagħhom li jirriżulta fi prattikament l-ebda posta li ġejja miċ-Ċina u pajjiżi Ażjatiċi oħra f’April u Mejju,” MaltaPost kompliet tgħid lil BusinessNow.mt.
Il-volumi tal-posta miċ-Ċina bdew jiżdiedu f’Ġunju, meta l-operaturi Ċiniżi tal-posta u tal-courier irranġaw biex il-posta tagħhom tasal b’rotot alternattivi. F’Ġunju, numru ta’ operaturi tal-Courier Ċiniżi bdew idawru l-posta tagħhom mill-Olanda.
Ovvjament wieħed tajjeb li jifhem li f’dan l-istadju, ix-xogħol b’lura tal-posta kien waqa lura b’mod drastiku li f’Lulju u Awwissu, MaltaPost kienet għadha qed tirċievi posta mibgħuta miċ-Ċina fil-perjodu minn Jannar sa Marzu. F’Diċembru, aktar minn 80 fil-mija tal-posta li waslet mill-Asja għaddiet mir-rotta Olandiża.