Total ta’ 41% tan-nies f’Malta jridu jitlaqqmu kontra l-imxija tal-Covid-19 “kemm jista’ jkun malajr “, u din bla dubju ta’ xejn hija l-ogħla rata fl-Ewropa. Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ġie ppubblikat ilbieraħ, it-Tlieta u kkonferma wkoll li madwar 4% biss tal-popolazzjoni ‘l fuq minn 16 se tirrifjuta sfaċċatament li tieħu t-tilqima, din hi l-inqas figura madwar l-Unjoni Ewropea.
L-istħarriġ sar fis-27 stat tal-Unjoni Ewropea kollha f’Diċembru. F’Malta l-istħarriġ sar permezz tat-telefon filwaqt li fil-kumplament tal-Ewropa sar online.
Kważi nofs dawk li wieġbu f’Malta (45%) qalu li jkunu aktar moħħhom mistrieħ li jieħdu l-vaċċin wara oħrajn biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda effetti sekondarji. 42% ta’ dawk kollha li aċċettaw li jwieġbu f’pajjiżna qablu li t-tilqima hija l-uniku mod kif tintemm din il-pandemija.
Ir-rata għolja ta’ interess biex wieħed jieħu l-vaċċin kienet riflessa wkoll fil-fatt li l-Maltin huma l-aktar li qed jibżgħu li jieħdu Covid-19. 83% minn dawk li wieġbu wrew it-tħassib tagħhom dwar dan. Din hi l-ogħla fl-Ewropa u ħafna saħqu li jibżgħu li jiġu infettati fil-futur. Il-medja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 54%.
L-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, bdiet tagħti l-vaċċin fis-27 ta’ Diċembru. F’Malta, sa nhar it-Tnejn ingħataw total ta’ 13,002 doża.