Il-Ministru Owen Bonnici F’Taħditiet Tekniċi Fit-Turkija Dwar ‘Best Practices’ Fis-settur Tal-Akkomodazzjoni Soċjali U Affordabbli

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici kellu taħditiet tekniċi u żjarat f’diversi proġetti u faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Istanbul it-Turkija, bħala parti minn żjara mmirata lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

 Il-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, id-Direttur fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Matthew Borg u kif ukoll mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għat-Turkija, Dr Marisa Farrugia. Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici żar il-kampus ta’ TOKİ f’Halkalı, f’Istanbul, fejn kellu laqgħa maċ-Chairman ta’ TOKİ, Mustafa Levent Sungur, il-Viċi President ta’ TOKİ, Ömer Caniklioğlu, il-Konsulent tal-President ta’ TOKİ, Emre Karaçengel, il-Kap tad-Dipartiment tal-Implimentazzjoni Murat Oskay, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Proġetti ta’ Istanbul, Serhat Günkan.

 Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-esperjenzi ta’ TOKİ fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli kif ukoll il-mudelli adottati biex jiġu żviluppati proġetti ta’ housing soċjali fuq skala kbira u, fl-istess waqt, jinħolqu l-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa għall-komunitajiet. Saret ukoll żjara fiċ-Ċentru Komunitarju ta’ TOKİ, li huwa parti mill-investiment fl-infrastruttura soċjali li takkumpanja l-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali. Saret żjara ukoll fis-sit tal-kostruzzjoni ta’ TOKİ f’Kayabaşı, fejn ingħata ħarsa lejn il-progress tal-proġett u l-mod kif l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli qed tiġi żviluppata flimkien ma’ infrastruttura u spazji maħsuba għall-komunità.

 Il-Ministru Owen Bonnici qal li din iż-żjara hija opportunità importanti biex il-Ministeru jkompli jiskambja esperjenzi ma’ pajjiżi oħra dwar mudelli ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u favur it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. “Din iż-żjara qed tagħtina l-opportunità naraw mill-qrib kif proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli fuq skala kbira jistgħu jiġu żviluppati flimkien mal-infrastruttura u s-servizzi li l-familji u l-komunitajiet ikollhom bżonn. L-għan tagħna hu li nkomplu nitgħallmu minn esperjenzi differenti u nsaħħu r-rabtiet bejn pajjiżi oħra li għandhom esperjenzi vasti f’dan is-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

 Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-akkomodazzjoni soċjali ma tkunx limitata għall-bini ta’ djar residenzjali, iżda tkun parti minn viżjoni usa’ li toħloq komunitajiet sostenibbli u reżiljenti, b’infrastruttura, spazji u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI