Mument speċjali waqt il-Karnival tas-Sajf f’Buġibba, hekk kif Lucas Baldacchino, fl-età ta’ erba’ snin u għaxar xhur biss, irnexxielu jikseb rekord nazzjonali ġdid fil-gżejjer Maltin.
Il-paġna magħrufa The Malta Records ħabbret li Lucas huwa l-iżgħar tifel li saq l-iżgħar karru tal-Karnival waqt sfilata tal-Karnival fil-gżejjer Maltin. Il-karru li saq iċ-ċkejken Lucas għandu qisien ta’ 1.10 metri b’1.10 metri, jaħdem u jinstaq kompletament bl-elettriku u għandu wkoll diversi movimenti.
Minkejja li għandu biss erba’ snin, Lucas deher tassew kunfidenti waqt li kien qed isuq il-karru u skont The Malta Records, irnexxielu jisraq il-qlub ta' ħafna mill-udjenza li kienu preżenti għal din l-okkażjoni.
The Malta Records awgurat lil Lucas sabiex ikompli jgħix din il-ħolma tiegħu waqt l-isfilati tal-Karnival tas-Sajf, li qed joħolqu atmosfera ta’ ferħ u entużjażmu għal dawk kollha dilettanti tal-Karnival.
Facebook/ The Malta Records