L-Ewropa rat żieda ta’ każijiet tal-Covid-19 hekk kif bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet immirati biex itaffu t-tixrid tal-virus potenzjalment fatali, qalet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
“Il-ġimgħa li għaddiet, l-Ewropa rat żieda fil-każijiet ta’ kull ġimgħa għall-ewwel darba f’xhur,” id-direttur reġjonali tal-WHO għall-Ewropa Hans Kluge qal lill-ġurnalisti. Huwa qal li aktar minn 24 pajjiż fl-Ewropa raw in-numri tal-virus fatali jiżdiedu.

“Tletin pajjiż raw żidiet f’każijiet kumulattivi ġodda matul l-aħħar ġimgħatejn. Fi 11 minn dawn il-pajjiżi, it-trażmissjoni aċċellerata wasslet għal numri sinifikanti li jekk jitħallaw mhux ikkontrollati se jimbotta s-sistemi tas-saħħa fix-xifer għal darb’oħra fl-Ewropa,” huwa wissa.
Kluge ma qalx liema huma dawn il-pajjiża u anqas ma tax numri dettaljati. Il-Ġermanja, li bdiet ttaffi l-miżuri madwar seba ’ġimgħat ilu, madankollu huwa pajjiż wieħed li sofra daqqa ta’ ħarta kbira u spiċċa biex jixħet żewġ reġjuni f’lockdown mill-ġdid. Filwaqt li anke fil-Portugall, ġew imposti numru ta’ miżuri ġo Lisbona.

Ir-reġjun Ewropew kien qed jirrapporta proporzjon dejjem inqas ta’ każijiet globali milli aktar kmieni fis-sena, hekk kif il-pandemija qed tolqot lill-Amerika, iżda l-Ewropa tkompli tirrapporta qrib l-20,000 każ ġdid kuljum u sfortunatament u aktar minn 700 mewt.
Kluge semma’ l-Polonja, il-Ġermanja, Spanja u l-Iżrael għar-risponsi malajr li ħadu fl-aħħar ġimgħat. “Meta dehru gruppi ġodda ta’ każijiet, dawn ġew ikkontrollati permezz ta’ interventi mmirati. Din hija aħbar tajba ħafna,” qal.