Il-moda u l-wirt kulturali ngħaqdu f’inizjattiva ġdida hekk kif Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mad-disinjaturi Maltin Charles & Ron, nediet il-wirja Imnebbħin mill-istorja: Mill-arazzi għall-moda kontemporanja fil-Palazz tal-Gran Mastru.
Il-wirja tippreżenta sitt ilbiesi uniċi, kollha mnebbħa mill-arazzi storiċi tal-palazz. Dawn jinsabu esebiti fil-kuritur li jwassal għas-Sala tal-Arazzi, li flimkien mal-arazzi nfushom għadha kif għaddiet minn proġett estensiv ta’ restawr.
L-esebizzjoni turi kif elementi artistiċi u storiċi jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal disinni kontemporanji, filwaqt li toħloq rabta bejn il-passat u l-preżent permezz tal-moda.
Bħala parti minn din il-kollaborazzjoni, Charles & Ron għażlu wkoll li jagħtu waħda mill-ilbiesi esebiti lil Heritage Malta. Din issa se tibqa’ tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali tat-tessuti taħt il-kustodja tal-aġenzija, u b’hekk se tkompli tħares u tippreserva din il-ħolqa unika bejn il-wirt storiku u l-kreattività kontemporanja.
Din l-inizjattiva tkompli tenfasizza kif il-wirt kulturali jista’ jispira forom ġodda ta’ espressjoni artistika, filwaqt li jkompli jilħaq udjenzi ġodda permezz tad-disinn u l-moda.
Facebook / Charles & Ron