“Illum Għeluq Snini – Imma Mhux Se Nkun Qed Niċċelebra” – Ingrid Sammut

Ilbieraħ kienet il-ġurnata ta’ għeluq snin Ingrid Sammut iżda f’messaġġ emozzjonali fuq il-paġna tagħha spjegat, “Illum għeluq snini – imma mhux se nkun qed niċċelebra.”

Hi kitbet li din kienet l-iktar sena diffiċli ta’ ħajjitha għaliex biex tibqa’ ħajja kellha tissagrifika riġel, xi ħaġa li kienet tant importanti għaliha għaliex dejjem kienet persuna attiva u tagħti ħafna importanza lis-saħħa tagħha. Hi wkoll omm ta’ tifla ta’ sitt snin li għandha bżonn omm preżenti u b’saħħitha. Il-kanċer u t-trattamenti li kellha tieħu ħadulha l-indipendenza, is-saħħa, u l-ħajja li darba kienet tħobb tant.

“Inħares fil-mera u ma nagħrafx il-mara tħares lura,” qalet Ingrid. Kitbet li ħadd ma jista’ jifhem minn xiex għaddejja għaliex in-nies jaraw li għadha ħajja u jinsew li l-kanċer ħadilha l-ispirtu tagħha. Hi kompliet tispjega b’iktar dettall li waħda mill-iktar affarijiet diffiċli għaliha huwa l-fatt li tħoss in-nuqqas tal-persuna li xi darba kienet għaliex tilfet l-identità, il-ħolm tagħha, u għandha ħafna battalji mentali.

“Iżda fil-qiegħ ta’ qalbi qiegħda nħoss li din it-telfa hi biss temporanja. Dak kollu lli ħsibt li telaq se jerġa’ jirritorna lura eventwalment – mhux eżatt kif kien imma iżjed b’saħħtu, b’iżjed għerf, u iżjed radjanti minn qatt qabel,” żiedet Ingrid. “Xi kultant għadni nħossni ġo ħolma kerha. U din is-sena, għeluq snini jaqa’ fil-Ġimgħa l-Kbira – dan ifakkarni li xi kultant li ssofri huwa parti mit-triq.”

Ammettiet li xi ħaġa sempliċi li tixtieq hi li tkun tista’ tlibbes lit-tifla tagħha mingħajr l-uġigħ tad-dwiefer jinkisru mill-kimoterapija. Xi ħaġa żgħira iżda tfakkarha f’dak kollu li dan il-vjaġġ ħadilha. Hi tagħmel kollox għat-tifla tagħha u l-kuraġġ li tagħtiha t-tifla tagħha jgħinha tkompli għaddejja.

“M’iniex niċċelebra llum – imma għadni ħajja,” żiedet tgħid.

 

Facebook / Ingrid Sammut

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI