“Illum Il-Ġenna M’Hemmx Festin, Imma Hemm Festa Kbira” – Mandy Nina Vella Ssellem Lin-Nanna Tagħha

Mandy Nina Vella qasmet messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali biex issellem lin-nanna tagħha, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem, b’kitba mimlija mħabba, tifkiriet u gratitudni. Fil-messaġġ tagħha, Mandy tikteb li n-nanna tagħha mietet ftit wara li semgħet l-Innu ta’ San Gejtanu, u fetħet il-kitba bi kliem poetiku li laqat lil bosta, "Illum il-ġenna m’hemmx festin, imma hemm festa kbira, bil-murtali u d-daqq tal-banda."

Hija stqarret li t-telfa ħalliet vojt kbir fil-familja, iżda fl-istess ħin qalet li n-nanna ħalliet warajha qlub mimlijin imħabba u memorji li se jibqgħu jgħixu għal dejjem. Fost l-aktar partijiet kommoventi tal-messaġġ hemm it-tifkira tal-imħabba li n-nanna dejjem kellha lejn nannuha. Mandy kitbet li n-nanna kienet tgħidilha ta’ spiss, "In-nannu minn dejjem u għal dejjem," kliem li, skont hi, kien jixhed l-imħabba dejjiema li qasmu bejniethom.

B’qalbha maqsuma, Mandy kompliet timmaġina lin-nanna terġa’ tingħaqad ma’ żewġha u ma’ ziju li tant kienet tgħożż, filwaqt li kitbet, "Mur, Nann. Mur għannaq liż-żewġek. Għannaq liz-ziju li tant kont tgħożż." Il-messaġġ jintemm b’tislima mimlija emozzjoni, fejn Mandy timmaġina lin-nanna "ttir ’il fuq bi ġwienaħ tad-deheb" u tkompli tkanta mal-kor tal-anġli, filwaqt li tibqa’ tħares lejn il-familja tagħha minn hemm fuq.

"Mur, Nann. Mur strieħ. Inħobbok," temmet tikteb Mandy, f’messaġġ li mess il-qlub ta’ bosta persuni u ġab miegħu għadd kbir ta’ messaġġi ta’ kondoljanzi u solidarjetà.

Ritratti:

Facebook / Mandy Nina Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI