Illum Jagħlaq Sninu Rennie Zerafa, L-Persuna Li Beda Puttinu Cares Flimkien Ma’ Dr. Calvagna

Illum huwa jum speċjali għal Rennie Zerafa hekk kif qed jiċċelebra għeluq sninu. Rennie huwa l-persuna li flimkien ma’ Dr. Victor Calvagna beda Puttinu Cares. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Puttinu Cares ħadu ħsieb jawgurawlu f’dan il-jum speċjali.

Huma qalu, “Illum hija ġurnata speċjali għalina! Rennie għalaq 60 sena! Kienet verament għażiża dik il-ġurnata meta Dr. Calvagna sejjaħlek u bdejtu Puttinu Cares flimkien fl-2001. Kemm aħna kburin u onorati li jeżistu nies bħalek, int li għamilt unur lil Malta b’dak kollu li tajt bla kundizzjoni u ingħatajt kompletament għas-servizz ta’ ħaddieħor. Ħlomt b’Puttinu Cares, ħlomt bil-maratoni u ħlomt bil-proġetti li għandna ġewwa l-Ingilterra. Imma mhux ħlomt biss … wettaqt b’suċċess, b’għaqal, b’kuraġġ, b’onestà, b’dedikazzjoni u b’qalb kbira.”

Żiedu, “Sakemm kabbart Puttinu, inkwetawk, sibt nies li ġġudikawk, weġġgħuk u ma emmnux fik għax ma għarfux l-enerġija, it-talenti u l-imħabba tiegħek lejn il-marid. Imma int bqajt temmen fil-prinċipji sbieħ li għandek, bqajt temmen li ridt ittaffi t-tbatija lil iżjed nies. Bil-fidi tiegħek u bl-għajnuna tal-Madonna li tant tħobb, illum Puttinu hija għaqda li qed tagħmel ħafna ġid u ġġib tama f’ħafna familji.”

Qalu wkoll, “Int ispirazzjoni ħajja, eżempju ta’ ġenerożità u mħabba konkreta lejn kull min ikun fil-bżonn. Inti l-mutur wara ħafna tbissim u l-ispalla ta’ ħafna pazjenti u familji. Kuljum, f’kull ħin tal-ġurnata moħħok ma jieqafx jaħseb x’tista’ tagħmel biex Puttinu jkun aħjar u kif tista’ tferraħ speċjalment lit-tfal li tara kuljum. Bla mistrieħ mit-Tnejn sal-Ħadd issibek fl-uffiċċju tilqa’ n-nies u anke fuq il-mobile f’kull ħin tal-ġurnata.”

Komplew, “Grazzi li għandek rasek iebsa! Grazzi li ma bżajtx minn dawk li ppruvaw iwaqqfuk u qatt ma ċedejt. Grazzi talli emmint fil-missjoni tiegħek u talli bil-passjoni tiegħek ħloqt post ta’ faraġ u tama għal tant tfal, ġenituri u pazjenti. Grazzi li tajt spazju lil tant voluntiera li llum bis-saħħa tiegħek huma wkoll jistgħu jħossu l-ferħ li jgħinu lil ħaddieħor.”

Temmew billi qalu, “Illum f’għeluq is-60 sena tiegħek, nirringrazzjawk minn qalbna għall-impenn tiegħek u għas-sejħa sabiħa tiegħek. Grazzi lil Alla li tana lilek! Grazzi tal-ġid li għamilt. Grazzi tat-tmexxija għaqlija tiegħek. Grazzi tal-viżjoni u tal-ħolma li wettaqt. Grazzi lill-familja tiegħek. Nawgurawlek saħħa, paċi u ħafna ferħ fil-qlub ta’ dawk kollha li jħobbuk u jirringrazzjawk.”





Facebook/Marco Agius – Wefi



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI