Mark Anthony Bartolo, il-kantawtur lokali magħruf għall-emozzjoni li jitfa’ f’kull nota, spiċċa l-ewwel sena tiegħu bħala għalliem tal-mużika fil-Primarja, u f’dawn il-jiem ta’ riflessjoni, għażel li jaqsam esperjenza personali u sinifikanti fuq il-midja soċjali.
“Illum timmarka t-tmiem tal-ewwel sena skolastika tiegħi bħala għalliem tal-mużika fil-Primarja,” kiteb Bartolo, b’ton ta’ gratitudni u onestà. “Għandi ngħid… din is-sena kienet sfida mhux ħażin. Kelli nqatta’ sena sħiħa nipprova nsir għalliem effettiv permezz ta’ provi u żbalji.”
Minkejja d-diffikultajiet inizjali, Bartolo jiddeskrivi kif is-sena kienet esperjenza ta’ tkabbir personali u tagħlim mhux biss mill-klassi, imma minn dawk li jiffurmaw parti mill-komunità edukattiva – studenti, LSEs u kollegi oħra. “Dawn kollha għallmuni valuri li għenu biex intejjeb il-benessri tiegħi.”
Il-kantawtur jirrikonoxxi li mhux kulħadd emmen fih matul dan il-vjaġġ, iżda japprezza bis-sħiħ dawk li tawh l-appoġġ li kellu bżonn, “Kelli grupp kbir ta’ nies li emmnu fija.”
F’ton intimu u vulnerabbli, Bartolo jaqsam ukoll il-mumenti ta’ dubju, “Għaddejt ġranet nistaqsi jekk jienx tajjeb bħala għalliem… imma dawn it-tfal, bil-modi differenti tagħhom, għenuni nħoss li għandi skop f’din id-dinja.” Għalih, il-messaġġi u l-ittri li rċieva mingħand l-istudenti huma xhieda tan-nisġa emozzjonali li nbniet bejn għalliem u studenti.
“Ix-xogħol għadu spazju fejn irrid nikber u nitgħallem kif insir verżjoni aħjar tiegħi nnifsi. Imma jien grat li sibt xogħol li jaqbel mal-uniku għan tiegħi.”
Il-messaġġ tiegħu jagħlaq b’osservazzjoni fejn jiftaħ qalbu, “Ħafna tfal jiġu sottovalutati. Jiena nemmen li l-futur tagħna jista’ jinbena fuq verżjoni aktar soda tas-soċjetà jekk dawn it-tfal jingħataw aktar ċans jesprimu lilhom infushom.”
Facebook / Mark Anthony Bartolo