Fis-6 ta’ Ġunju 2025, is-Sindku Joan Agius flimkien mal-Kunsillier Anton Aquilina attendew għal inawgurazzjoni li saret ġewwa Ġnien l-Għannejja fiż-Żejtun.
F’din l-okkażjoni, ġie inawgurat bust dedikat lill-għannej Frans Mifsud magħruf bħala ‘ta’ Vestru’. Dan il-monument artistiku huwa xogħol l-iskultur Chris Ebejer, li ħoloq biċċa xogħol sabiħa li tiċċelebra mhux biss lil Frans, imma wkoll lill-għannejja l-oħra, fosthom missieru Zaren ta’ Vestru.

Ritratt: Ion Mifsud
Il-ġnien issa qed iservi ta’ spazju ta’ ġieħ għall-għannejja li ħadmu biex iżommu ħajja l-mużika tradizzjonali u folkloristika Maltija.
Ma jonqosx li kien hemm id-daqq u l-għana waqt l-istess avveniment. Iben Franc, Ion, ukoll daqq flimkien mal-mużiċisti u għannejja l-oħra.

Ritratt: Ion Mifsud
Sa minn meta kien ċkejken, Ion wera interess fl-għana, beda jdoqq il-kitarra, u kien jakkumpanja lil missieru f’attivitajiet mużikali.
Frans Mifsud twieled fit-30 ta’ Awwissu 1953 u miet fis-25 ta’ Novembru 2020. Insellmu l-memorja tiegħu.

Ritratt: Ion Mifsud