Il-kumpanija li hija responsabbli wara l-pjattaforma soċjali Instagram li hija popolari ferm fost iż-żgħażagħ għadha kif ħabbret li mil-lum ‘il quddiem se tkun qiegħda tavża lill-ġenituri jekk uliedhom ifittxu xi kontenut relatat mas-suwiċidju.
F’iżjed dettall il-kumpanija Amerikana Meta spjegat li l-ġenituri se jkunu qiegħdin jiġu mwissija jekk uliedhom ifittxu b’mod ripetut dwar is-suwiċidju f’perjodu ta’ ħin qasir.
Fl-isfond tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura l-kumpanija stqarret ukoll li matul dawn l-aħħar snin għamlet li setgħet sabiex tnaqqas il-preżenza ta’ kontenut li jista’ jinstiga s-suwiċidju fil-pjattaformi soċjali tagħha.
Xi għaqdiet madankollu sostnew li minkejja l-impenn tal-kumpanija, iż-żgħażagħ li jużaw Instagram xorta waħda għadhom isibu dan il-kontenut ma’ wiċċhom.
B’reazzjoni għal din il-miżura xi għaqdiet esprimew it-tħassib tagħhom ukoll dwar kif se jaġixxu l-ġenituri meta jirċievu din it-twissija. Fissru kif ħafna mill-ġenituri jistgħu jsibu rwiehħom fi stat ta’ paniku għaliex ma jkunux preparati biżżejjed sabiex jaġixxu f’sitwazzjoni delikata bħal din.
Jekk inti għandek jew taf b’xi ħadd li jbati minn ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel il-linja 179.
Pexels