Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, It-Temp Madwarna qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni rigward ir-raġġi ultravjola, li għalkemm huma importanti, l-eċċess tagħhom jista’ jwassal għal bosta problemi
Huma bdew billi qalu, “Din it-tabella t’hawn taħt fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar ir-raġġi ultravjolja mix-xemx. L-aktar xhur li fihom dan l-indiċi jkun għoli huma x-xhur ta’ Ġunju u Lulju, minħabba li x-xemx tkun fl-ogħla pożizzjoni tagħha fis-sema matul is-sena u tonqos drastikament il-kopertura ta’ sħab. Bħalissa r-raġġi UV huma l-aktar qawwija fil-livell ta’ 10-11.”
Komplew billi żiedu, “Għalkemm ir-raġġi mix-xemx jipprovdu l-Vitamina ‘D’ li hi bżonnjuża għall-ġisem, l-eċċess tagħhom jista’ jikkawża ħruq kbir fil-ġilda u anke jwasslu għall-kanċer fil-ġilda. Il-protezzjoni hi għaldaqstant importanti ħafna speċjalment fix-xhur bejn April u Awwissu, u fl-ewwel espożizzjoni għax-xemx wara nuqqas twil, speċjalment nies neqsin mis-smurija. Fir-rapporti tat-temp li jinħarġu ta’ kuljum minn din il-Paġna, jingħata wkoll l-indiċi tar-raġġi UV.”