“Is-Sena 2025 Urietni Li Dak Li Dejjem Ħlomt Bih, Nista’ Nasal Għalih” – Gabriel Muscat

Is-sena 2025 kienet waħda intensiva u determinanti għal Gabriel, sena li ġabitlu magħha popolarità kbira iżda wkoll tagħlim profond fuq livell personali. Wara l-parteċipazzjoni tiegħu fir-reality show Big Brother, fejn ikklassifika fit-tielet post bħala finalist, Gabriel sab ruħu quddiem bidliet kbar li biddlu l-mod kif jara lilu nnifsu u l-futur tiegħu.

“Ma kinitx sena faċli,” jistqarr. “Kienet sena impenjattiva immens li, bil-grazzja t’Alla, affrontajt b’determinazzjoni u qlubija kbira. Kelli nħabbat wiċċi mar-rispons tal-pubbliku wara Big Brother, imma wkoll ma’ mumenti ta’ dieqa u bidliet personali li ħallewni mmarkat.”



Madankollu, minn din l-esperjenza ħareġ aktar konxju u ċert minn min hu. Jgħid li tgħallem jikkritika u fl-istess ħin ifaħħar lilu nnifsu għal dak li hu, għal dak li jemmen fih u għal dak li jagħmel. “Din is-sena għallmitni nkun aktar sigur fl-aġir tiegħi u fl-opinjonijiet tiegħi. Fi ftit kliem, fissret li dak li dejjem ħlomt li nagħmel, nista’ nasal għalih u nagħmlu kif suppost.”



Wara li ħareġ mid-dar ta’ Big Brother, Gabriel sab ruħu mdawwar bi mħabba u apprezzament li qatt ma kien jimmaġina. Jirrakkonta kif iltaqa’ ma’ diversi personalitajiet Maltin u Għawdxin li avviċinawh b’kunfidenza u b’sens ta’ familjarità, bħal donnhom kienu ilhom jafuh.

“Din is-sena għallmitni li dak li dejjem ħlomt li nagħmel, nista’ nasal għalih u nagħmlu kif suppost.”



“Nibqa’ napprezza l-fatt li tant nies ħadu gost bija u apprezzawni għal dak li jien,” jgħid. Madankollu, hemm mument wieħed li jibqa’ mnaqqax f’moħħu: telefonata FaceTime mingħand Valentina Rossi l-għada stess li nqala’. “Hija personalità li nammira u nsegwi ħafna, u dak il-mument ma ninsieh qatt.”

Gabriel hu magħruf ukoll għall-imħabba tiegħu lejn dak kollu li hu lokali. Jemmen bis-sħiħ li l-identità Maltija tista’ tibqa’ teżisti biss jekk aħna stess inrawmuha u nirrispettawha.

“Il-futur jinsab fid-deċiżjonijiet li nieħdu llum,” jispjega. “Jekk ma ngħaddux il-messaġġ u l-elementi tal-kultura Maltija lil uliedna, dawn mhux se jaħsbu biex iħaddnu jew japprezzaw dak li hu tagħna.” Skontu, mingħajr identità unika, Malta titlef il-possibbiltà li tiddistingwi ruħha minn pajjiżi oħra, u għalhekk jemmen li għandna nkomplu nħeġġu lit-tfal u liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kulturali Maltin.

Dan l-aħħar rajnieh fuq il-filmati ta’ Gwida, b’xi intervisti qosra. Gabriel jgħidilna, “Minn dejjem xtaqt karriera f’din l-industrija,” jgħid, “u nemmen li għandi l-kapaċità li nkompli nikber u nrawwem lili nnifsi fiha.” Hu konvint li t-telespettaturi se jibqgħu jarawh f’xogħlijiet li jolqtu ġenerazzjonijiet differenti u li jwasslu messaġġ ta’ gwida u tama lis-soċjetà Maltija.

Fl-aħħar nett, Gabriel jgħaddi messaġġ ta’ ringrazzjament u awguri lill-qarrejja ta’ Gwida. Jirringrazzjahom tas-support kontinwu u jħeġġiġhom ikomplu jsegwu kemm lil Gwida kif ukoll il-proġetti tiegħu, għax “hemm affarijiet sbieħ ġejjin”.

U kif dejjem kien jagħmel fir-rapporti tat-temp, jagħlaq b’awgurju mill-qalb: “Nawguralkom ħafna mħabba, paċi, sliem, serenità u kuntentizza fis-sena l-ġdida.”

Ritratti:

Instagram / Gabriel Muscat

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI