“Is-Servizzi Li Noffru Qed Jagħmlu Differenza Reali Fil-Ħajja Tan-Nies” – Lara Darmanin Titkellem Dwar Ir-Rwol Tagħha Fiċ-Ċentru Ċensu Moran

L-attriċi Maltija Lara Darmanin fetħet qalbha dwar il-ħidma professjonali tagħha fiċ-Ċentru Ċensu Moran, fejn tokkupa l-kariga ta’ Head of Personnel and Customer Relations, f’filmat maqsum mis-Servizz Pubbliku. Darmanin spjegat li r-rwol tagħha jinvolvi responsabbiltà estensiva biex jiġi koordinat dak kollu li hu relatat mas-servizzi kliniċi offruti miċ-ċentru, kemm dawk li ġejjin mill-kura primarja, kif ukoll mis-servizzi tal-kura sekondarja u minn Mater Dei Hospital.

"Ċensu Moran jilqa’ kura u servizz li jgħaqqad u jżewweġ dawn l-aspetti kollha flimkien," spjegat Lara, filwaqt li nnutat li ċ-ċentru joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi, fosthom ukoll proċeduri ta’ kirurġija ta’ matul il-jum. Hija qalet li flimkien mat-tim tagħha taħdem biex tiżgura li kemm il-klijenti kif ukoll il-professjonisti li jipprovdu s-servizzi jkunu moqdija bl-aħjar mod possibbli. Dan il-proċess, spjegat, jibda minn stadju bikri ta’ ppjanar u jinvolvi kollaborazzjoni ma’ dipartimenti differenti fuq aspetti bħas-sistemi, ix-xiri ta’ tagħmir, l-ippjanar tas-servizzi u anke r-reklamar tagħhom.

Lara enfasizzat ukoll l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fix-xogħol tagħha, fejn it-tim jaħdem biex is-servizzi jibqgħu jiżviluppaw b’approċċ edukattiv u innovattiv. Żiedet li taħdem mill-qrib mad-Dipartiment tal-Kwalità sabiex is-servizzi jkomplu jitjiebu b’mod kontinwu.

Meta tkellmet dwar dak li jimmotivaha, Darmanin qalet li l-akbar sodisfazzjon tagħha jiġi meta tara l-impatt konkret li s-servizzi jkollhom fuq il-ħajja tan-nies. "Is-sodisfazzjon personali li nieħu minn dan ix-xogħol huwa kbir, speċjalment meta nara li s-servizzi li noffru jkunu qed jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies," qalet.

Hija temmet billi saħqet li temmen bis-sħiħ fil-valur tax-xogħol f’tim u fil-kollaborazzjoni bejn professjonisti, dipartimenti u entitajiet differenti, filwaqt li qalet li tħossha privileġġata li taħdem f’ambjent li jagħti prijorità lill-innovazzjoni, it-titjib kontinwu u servizz pubbliku ta’ eċċellenza, dejjem b’approċċ iċċentrat fuq il-pazjent.

Ritratti:

Facebook / Lara Azzopardi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI