Illum, 13 ta’ Awwissu, jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għal dawk li jużaw l-id ix-xellugija, jum iddedikat għal dawk kollha li ta’ kuljum iridu jadattaw għal dinja li fil-biċċa l-kbira tagħha hija mfassla għal min juża l-id il-leminija.
Dan il-jum ilu jiġi ċċelebrat mill-1992 u għandu l-għan li jqajjem aktar għarfien dwar id-differenzi u l-isfidi żgħar li persuni xellugin jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Minn imqass u għodod oħra li mhux dejjem ikunu komdi biex jintużaw bl-id ix-xellugija, sa notebooks, imwejjed tal-iskejjel u anke l-linka tal-pinna li tispiċċa ma’ idejk waqt li tkun qed tikteb huma diversi dawk l-affarijiet żgħar li persuna xellugija taf tiltaqa’ magħhom regolarment.
Huwa stmat li madwar persuna minn kull għaxra madwar id-dinja tuża l-id ix-xellugija bħala l-id dominanti, u għalhekk dawn il-persuni jinsabu f’minoranza ċara. Għaldaqstant, illum huwa l-jum tagħhom! Lil dawk kollha xellugin li qed jaqrawna, nawgurawlkom il-Jum Internazzjonali għal dawk li jużaw l-id ix-xellugija!