Is-Siġra Tal-Milied Fid-Daħla Tal-Belt Valletta Rikonoxxuta Fost L-Isbaħ Fid-Dinja Skont Pubity

Il-profil popolari ta’ Instagram Pubity, magħruf għall-kontenut ta’ divertiment u segwit minn kważi 42 miljun persuna madwar id-dinja, ikklassifika s-siġra tal-Milied li ntramat din is-sena fid-daħla tal-Belt Valletta bħala waħda mill-isbaħ siġar tal-Milied fid-dinja.

F’messaġġ emozzjonanti li qasam fuq il-midja soċjali, Henry Galea, li kien wieħed mill-imħuħ kreattivi wara dan il-proġett, spjega li dak li raw in-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat fil-Belt Valletta ma kienx sempliċement siġra tal-Milied, iżda frott ta’ xhur twal ta’ ħidma, stress, diskussjonijiet u deċiżjonijiet diffiċli – kollha mmexxija minn passjoni u mħabba kbira lejn ix-xogħol.

“Meta tara aħbarijiet nazzjonali u nies minn madwar id-dinja jgħidu li din hija waħda mill-isbaħ siġar fid-dinja, ma tistax ma tħossx emozzjoni kbira,” kiteb Galea, hekk kif enfasizza li wara kull dettall hemm xogħol moħbi li mhux dejjem jidher.



Hu rringrazzja wkoll lil Jason Zerafa, Ryan Pillow u Jason Micallef għall-fiduċja u l-viżjoni tagħhom, kif ukoll lit-tim kollu tal-Valletta Cultural Agency għall-appoġġ kontinwu u l-ħidma kollettiva li wasslet għal dan is-suċċess.



Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Galea indirizza lil dawk kollha li ħassew tbissima, emozzjoni jew sens ta’ kburija quddiem din is-siġra biex jaqsmu din l-istorja ma’ oħrajn, għax dawn huma l-mumenti li jfakkruna kemm il-kreattività Maltija tista’ tasal ’il bogħod.

Dan ir-rikonoxximent internazzjonali jservi bħala tfakkira ċara ta’ kemm għandna nkunu kburin bħala poplu Malti. F’pajjiż żgħir b’qalb kreattiva kbira, meta ningħaqdu u naħdmu flimkien nistgħu noħolqu xogħlijiet li mhux biss jispikkaw lokalment, iżda jilħqu u jmissu l-qlub tan-nies anke lil hinn minn xtutna.



Ritratti:

Facebook/ Henry Galea u Instagram/ Pubity

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI