Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qasam filmat fuq il-paġna uffiċjali tiegħu fuq il-midja soċjali li ġibed l-attenzjoni u r-reazzjoni ta’ bosta residenti. Il-filmat juri mara tieħu borża ta’ skart u minflok tarmih kif suppost skont il-ħinijiet u l-ġranet tal-ġbir, tmur u tħallih wara l-bieb ta’ persuna oħra.
Flimkien mal-filmat, il-Kunsill għadda messaġġ ċar u dirett b’appell qawwi għar-rispett reċiproku u l-għarfien ċiviku: "Dak li ma tridx wara biebek, tagħmlux wara bieb ħaddieħor." Din l-azzjoni tressqet bħala eżempju ta’ mġiba mhux aċċettabbli li toħloq inkonvenjent kbir għall-ġirien u tħammeġ l-ambjent tal-lokalità.
Il-Kunsill fakkar fir-responsabbiltà ta' kull resident li jżomm il-lokalità nadifa u jsegwi l-iskeda uffiċjali tal-ġbir tal-iskart biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili u tinżamm l-ordni fit-toroq.
Facebook/Kunsill Lokali Santa Venera