Il-psikologu lokali Nicholas Briffa qasam riflessjoni li laqtet lil ħafna, fejn stieden lin-nies jerġgħu jaħsbu kif qed ikejlu s-suċċess u l-valur tal-ħajja tagħhom.
F’post fuq il-midja soċjali, Briffa jirrimarka kif, ħafna drabi, il-ħajja tiġi mkejla b’“kaxxi” li wieħed irid jimmarka bħala tajjeb ħafna: ix-xogħol, jekk għandekx relazzjoni jew le, it-tfal, id-dar, iż-żieda fil-paga, il-kisbiet. Skontu, donnu jekk dawn kollha jkunu f’posthom, awtomatikament “kollox sew”.
Iżda hu jsaqsi mistoqsija ferm aktar profonda: kemm tassew qed nistaqsu dak li verament jgħodd? Fost il-mistoqsijiet li jsemmi hemm dawk li spiss jitħallew barra mill-konversazzjoni ta’ kuljum:
– “Tħossok kuntent fil-ħajja?”
– “Tħossok fil-paċi miegħek innifsek?”
– “Tħossok tajjeb meta tkun waħdek, mhux biss meta kollox jidher sabiħ minn barra?”
Il-psikologu jmiss ukoll realtajiet sensittivi li ħafna jgħaddu minnhom fis-skiet – il-bidla fiż-żwieġ wara t-twelid ta’ tarbija, is-solitudni meta t-tfal jitilqu mid-dar, u l-bżonn li xi ħadd sempliċement jistaqsi, “Hemm xi ħaġa li tixtieq taqsam miegħi? Jiena hawn għalik.”
Skont Briffa, ħajja tista’ tidher perfetta minn barra, iżda minn ġewwa tkun tqila u mimlija piż emozzjonali. Hu jfakkar li s-suċċess mhux dejjem jiġi b’titli, flus jew kisbiet viżibbli, iżda jista’ jkun ħafna aktar sempliċi u profond.
“Is-suċċess jista’ jfisser li tħossok kalm. Li tkun tista’ torqod lejl sħiħ mingħajr ma thewden. Li tħossok sigur fik innifsek. Li tħossok biżżejjed,” jikteb.
Messaġġ li jservi bħala tfakkira importanti li, f’dinja li tħeġġeġ dejjem aktar kompetizzjoni u dehra ta’ perfezzjoni, il-ġid mentali u l-paċi interna jibqgħu l-aktar affarijiet li tassew jagħtu tifsira lill-ħajja.
Facebook / Nicholas Briffa