“Is-Solitudni Meta Tkun Imdawwar Bin-Nies” – Ingrid Sammut B’Onestà Taqsam Dak Li Qed Tħoss Fil-Battalja Tagħha!

Ingrid Sammut, li ħafna jiftakruha bħala parteċipanta fil-programm HazZzard u li qasmet l-istorja tagħha wkoll fuq KellymniIl-Podcast ta’ Gwida, ftit tal-ħin ilu ppubblikat messaġġ twil u profond dwar realtà li ħafna ma jarawhiex, is-solitudni li tiġi ma’ mard serju u t-tbatija li tibqa’ inviżibbli għal ħafna.

F’kitba mimlija onestà u vulnerabbiltà, Ingrid tispjega kif, minkejja li hija mdawra b’familja li tħobbha u ftit ħbieb veri li baqgħu hemm, ħafna drabi tħossha waħedha b’mod profond. Mhux għax nieqsa mill-imħabba, imma għax dak li qed iġġorr magħha huwa tqil wisq, kontinwu wisq u diffiċli biex jinftiehem minn min ma għaddiex minn esperjenza simili.

Hi titkellem dwar il-fatt li ħafna mill-persuni li għaddew mill-istess triq tal-kanċer magħha m’għadhomx ħajjin. U hi għadha hawn, mhux bħala storja sempliċi ta’ “rbaħt il-marda u fejqan”, iżda bħala persuna li tgħix b’uġigħ qawwi ta’ kuljum, diżabilità li ġiet minn lejl għal nhar, u stennija kontinwa għal riżultati li qatt ma jagħtu mistrieħ.

Minn barra, Ingrid tidher b’saħħitha, titbissem, tkompli tipprova, tagħmel sigħat twal ta’ terapija kuljum. Iżda minn ġewwa, tgħid hi, hemm trawma siekta li ftit jifhmu u xi drabi lanqas jemmnuh. Din id-distanza bejn dak li jidher u dak li jinħass tkompli tkabbar is-solitudni.



Hi tirrifletti wkoll fuq kif tħossha maqtugħa minn dinja li tkompli miexja bi lmenti żgħar u nkwiet ta’ kuljum, li għal min jgħix b’uġigħ kontinwu jsiru kważi impossibbli biex wieħed jirrelata magħhom. Mhux minħabba nuqqas ta’ empatija, imma għax il-ġisem u r-ruħ diġà jkunu mġebbda lil hinn mil-limiti tagħhom.



Waħda mill-aktar partijiet li jolqtu hija meta Ingrid titkellem dwar bintha. Tgħid li fl-agħar mumenti tagħha, tibki fis-skiet biex bintha ma tarahiex bl-uġigħ. Tipprova tipproteġiha, tfakkarha f’dik li kienet qabel, b’saħħitha, mimlija enerġija, b’xagħarha u s-sbuħija tagħha, biex it-tifla ma żżommx biss l-immaġni tal-marda u t-tbatija.

Ingrid tgħid li l-kanċer ħafna drabi jiġi ppreżentat b’mod sempliċi, jew tmut, jew tgħaddi mit-trattament u tfiq. Iżda l-istorja tagħha ma segwietx dik it-triq. Għaddiet minn kimoterapija aggressiva ħafna, operazzjoni kbira, u baqgħet ħajja kontra kull mistenni, iżda bi prezz enormi: diżabilità, uġigħ bla waqfien u inċertezza dwar jekk qattx se ssib serħan.

Hi titkellem dwar it-telfa kbira li ġarrbet, il-ħila fiżika, l-indipendenza, l-irqad, in-negozju, il-passjonijiet, it-talenti, il-libertà, il-ħolm u l-ambizzjonijiet kif kienet tafhom qabel. Anke l-ferħ, tgħid, sar sieket u mgeżwer fl-uġigħ u l-isforz kontinwu.



B’onestà kbira, Ingrid tmiss ukoll is-suġġett tal-fidi. Tgħid li hemm jiem fejn it-tama tnin, u oħrajn fejn tisparixxi għal kollox. Tistaqsi mistoqsijiet li qatt ma ħasbet li tistaqsi, fejn hu Alla ħanin f’din it-tbatija kollha? Għaliex oħrajn telqu minn din id-dinja, u hi baqgħet ħajja, iżda f’uġigħ li ma jintemm qatt?

Hi tisħaq li ma kitbitx dan biex tfittex ħniena jew simpatija, iżda għax l-inviżibbiltà hija għeja kbira. Għax li tkun “b’saħħtek” il-ħin kollu huwa solitarju. U għax kultant l-aktar parti diffiċli mhix l-uġigħ innifsu, imma s-sensazzjoni li ħadd ma jarah tassew.

Minkejja kollox, Ingrid temm il-messaġġ tagħha b’reżiljenza kwieta: hi għadha hawn, għadha tipprova, għadha tieħu n-nifs, u għadha tittama – bil-kwiet – li xi darba x-xemx terġa’ ssibha.

Storja li tfakkarna li mhux il-ġrieħi kollha jidhru, u li xi kultant l-aktar kuraġġ kbir huwa li tkompli teżisti, jum wara jum.

Ritratti:

Facebook / Ingrid Sammut

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI