Malta’s Got Talent għaddej ġmielu u t-talent ta’ bosta Maltin u anke barranin li jgħixu Malta qed jispikka. Fuq il-paġna ta’ Got Talent Global s’issa ġew ixxerjati 4 wirjiet ta’ artisti Maltin li impressjonaw lill-ġurija ta’ Malta u wkoll ġibdu l-attenzjoni ta’ eluf jew aħjar miljun ta’ segwaċi f’ċertu każijiet.
Insomma hija ċ-ċara li l-ewwel staġun ta’ Malta’s Got Talent għal darb’oħra poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa tad-dinja u wera kemm il-Maltin għandhom biex ikunu kburin. Il-programm ikompli l-ħadd li ġej u fih naraw jekk fl-aħħar hux ħa tagħti l-famuż Golden Buzzer Maxine. Tul l-aħħar ħames ġimgħat rajna erba’ Golden Buzzers mogħtija u jidher li l-Golden Buzzer ta’ Ray ġibed l-attenzjoni tad-dinja.
Il-filmat taċ-ċkejken Kirsitan Allard sa x’ħin qed jinkiteb dan l-artiklu ġie segwit aktar minn 36 miljun darba! Iva sewwa qrajt 36,000,000! Numru fenomenali għall-aħħar għaċ-ċkejken Kristian! Jidher li mhux Ray u l-ġurija lokali biss kien impressjonati imma ħalla miljun sħaħ ta’ nies impressjonati bit-talent tiegħu.
Iċ-ċkeknin Kaya u Ike fi ftit aktar minn 24 siegħa ġabru 2.5 miljuni. F’ħin qasir ħafna dan in-numru huwa wkoll wieħed impressjonanti ferm. It-talent tagħhom jidher li ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna! Ngħiduha kif inhi, vuċi bħal ta’ Kaya ftit li hawn u l-wirja b’saħħtiha ta’ Ike kienet waħda li tħalli lil kull rapper impressjonat Dawn għad għandhom għaxar snin wara kollox!
Wirja oħra eċċezzjonali li ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna kienet dik taċ-ċkejkna Yulan Law. Il-wirja tagħha bħalissa ġiet segwita ftit aktar minn 880,000. Donnha riesqa lejn il-miljun ukoll! Filwaqt li l-wirja ta’ Kian rawha madwar kwart ta’ miljun persuna. Li kieku programm bħal dan ma sabx ruħu f’pajjiżna, dawn it-talent żgur ma kienx ikollhom iċ-ċans li jiġbdu daqshekk attenzjoni.
Tgħid ħa naraw xi wirja ta’ xi ħadd adult li tasal tikseb il-fama grazzi għal Got Talent Global?