Jason Micallef sellem il-memorja tal-għażiż ħabib tiegħu Kenneth Fenech, magħruf bħala “ċ-Ċupin”, li miet kmieni l-Ħadd filgħodu.
F’messaġġ mimli dieqa, Jason qal li Kenneth ma kienx sempliċement ħabib tal-qalb tiegħu għal aktar minn 30 sena, iżda kien għalih bħal membru tal-familja u bħal ħuh.
Fakkar il-vjaġġ tagħhom lejn Bilbao f’Mejju tal-2025 għall-finali tal-Europa League bejn Manchester United u Tottenham, fejn induna li Kenneth kien qed ibati biex jieħu n-nifs u ħeġġu jagħmel it-testijiet malli jirritorna Malta.
Minn dak il-mument bdiet battalja twila għal saħħtu, li matulha Kenneth wera kuraġġ, determinazzjoni u qawwa kbira, filwaqt li kellu l-appoġġ kontinwu ta’ martu Carol.
Fil-messaġġ tiegħu, Jason ikompli, "U kemm tifkiriet, u kemm gawdejna flimkien Cupin ghaziz tieghi. Flimkien mal-grupp ghaziz taghna il-'Mustin' u 'Famous 7' li issa nizlu ghal 6… Kenneth Fenech ic-cupin kien ragel ta’ valuri kbar, kbar hafna. Iħenn għall-proxxmu tiegħu, paċifist, ma jillatika ma' ħadd. Tridu miegħek u ħdejk il-ħin kollu. F’ħajtu ġid biss għamel kull fejn kien, jew resaq."
B’qalbu maqsuma, Jason wiegħed li jibqa’ jsemmi isem Kenneth u jirrakkonta l-memorji tiegħu b’għożża kbira, filwaqt li wiegħed ukoll li se jkun qrib il-familja tiegħu flimkien mal-ħbieb tagħhom.
Wassal il-kondoljanzi tiegħu, ta’ martu Josie u ibnu Marc, lill-familja kollha ta’ Kenneth, u temm b’tislima emozzjonanti: “Strieħ Kenneth, kemm tlaqt kmieni, Bambin.”