Jidher biċ-ċar li l-ispiżeriji esperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ ta’ mediċini relatati mal-influwenza, irjiħat komuni, u medikazzjoni tal-mard tal-istonku wara tnaqqis f’każijiet ta’ mard staġjonali f’pajjiżna. Katina partikolari ta’ spiżeriji ewlenin u diversi spiżjara kkonfermaw mas-sit BusinessNow.mt.
Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li n-numru ta’ nies li jieħdu l-influwenza, li ġeneralment ikun l-ogħla f’Jannar, naqas minħabba l-miżuri fis-seħħ tal-Covid-19 u wkoll minħabba l-fatt li ħafna ħadu l-vaċċin tal-influwenza.
Diversi tobba kkonfermaw li kien hemm inqas każijiet ta’ rjiħat komuni u problemi fl-istonku, billi kien hemm aktar iġjene u ħasil tal-idejn. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Chemimart Group, ikkonferma ma’ BusinessNow.mt, “kien hemm tnaqqis drastiku fil-mard.”
Mal-istess sit hu kompla jgħid li raw, “Tnaqqis fl-użu ta’ antibijotiċi, rimedji ġenerali għall-irjiħat, mediċini għas-sogħla b’mod partikolari mistura tas-sogħla u wkoll pastilji tal-grieżem ukoll”.
L-istess ħsibijiet qasmuhom spiżjara oħra! Jidher li l-pandemija waslet għall-inqas mard b’mod ġenerali!